Lokali

Karkariż miżmum arrestat wara sejba ta’ 20kg ħaxixa

Raġel minn Birkirkara nżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat b’pussess aggravat ta’ droga kannabis li allegatament ma kienetx għall-użu personali tiegħu.

Clayton Galea ġie arrestat tul il-jum tal-Ħadd wara li l-Pulizija wettqu sejba ta’ 20 kilogramma ħaxixa f’garaxx u vettura fl-istess garaxx fis-Swatar.

Ir-raġel ta’ 31 sena ġie akkużat ukoll li fil-pussess tiegħu kellu taser gun u sikkina mingħajr liċenzja tal-Pulizija.

Filwaqt li ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, l-avukati Giannella De Marco u Jean Luca Caruana Curran ma talbux għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.

Intant, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ordnat l-iffriżar tal-assi tal-Karkariż u li jiġi rrilaxxat biss l-ammont li għandu bżonn biex ilaħħaq mal-ħajja.