Knisja Lokali

KONFERMATA: Il-Papa Franġisku se jżur pajjiżna fil-31 ta’ Mejju

Il-President ta’ Malta George Vella għadu kif ikkonferma li l-Papa Franġisku laqa’ l-istedina tiegħu, tal-awtoritajiet u tal-Knisja Kattolika f’Malta biex iżur Malta u Għawdex fil-31 ta’ Mejju li ġej.

Min-naħa tiegħu l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna ddikjara li l-motto ta’ din iż-żjara se jkun vers mill-Bibbja, mir-rakkont tal-miġja f’Malta ta’ San Pawl, “Ġabu ruħhom magħna b’ħlewwa liema bħalha.”

Id-djoċesi t’Għawdex fi stqarrija laqgħet l-aħbar u żvelat li l-Papa ser ikun qed jżur is-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu. L-Isqof Mario Grech ħeġġeġ lin-nies biex jibdew jitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jħejji l-imħuħ u u l-qlub biex tintlaqa’ din iż-Żjara.

Kien is-Sibt li Net News ħabbar li l-Papa Franġisku se jżur pajjiżna fil-31 ta’ Mejju li ġej, fil-festa tal-Pentekoste, fl-ewwel żjara tiegħu fil-gżejjer Maltin.

L-aħbar kienet żvelata mix-Xandir tal-Istat u anke mix-Xandir tal-Knisja wara li t-tmexxija tal-Vatikan nfurmat biż-żjara lill-Gvern u lill-Knisja f’Malta wara diversi stidniet li saru mill-Knisja f’Malta sabiex il-Papa jżur il-gżejjer Maltin.

F’Settembru li għadda, il-President ta’ Malta George Vella ġedded l-istedina biex il-Kap tal-Knisja Kattolika jżur pajjiżna.

Il-Papa Franġisku, mill-Arġentina, huwa l-266 Papa fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Hu se jkun ukoll it-tielet Papa li żar il-gżejjer Maltin wara l-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI.

Ladarba sseħħ, din se tkun ir-raba’ żjara uffiċjali ta’ Papa f’pajjiżna li kollha nzertaw fl-aħħar tletin sena.

L-ewwel żjara kienet waħda pastorali mill-Papa Ġwanni Pawlu II bejn il-25 u 27 ta’ Mejju 1990.

L-istess Papa f’pellegrinaġġ Pawlin, żar il-Greċja, is-Sirja u fl-aħħar Malta bejn it-8 u d-9 ta’ Mejju 2001. F’din l-istess żjara, waqt quddiesa fuq il-fosos, għamel beati lil Dun Ġorġ Preca, Nazju Falzon u Adeodata Pisani.

L-iktar żjara riċenti kienet mill-Papa Benedittu XVI fis-17 u 18 t’April tal-2010.

Minkejja li ż-żjarat uffiċjali sa issa huma tlieta, ftit jafu illi ftit xhur biss wara l-ewwel żjara tal-Papa Gwanni II fl-1990, dan l-istess Papa kien reġa’ spiċċa fil-gżejjer Maltin hu u sejjer lejn it-Tanżanija wara li l-ajruplan li kien fuqu kellu jagħmel waqfa qasira ta’ madwar 30 minuta fl-ajruport ta’ Malta minħabba raġunijiet tekniċi.

Il-faċċata ta’ il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Settembru 1990
Il-Papa Ġwanni Pawlu II f’waqfa qasira ġewwa pajjiżna fl-1990 wara problemi tekniċi fit-titjira tiegħu

Dakinhar, il-Papa lanqas biss niżel minn fuq l-ajruplan imma minflok kienu telgħu jagħtuh merħba u jitkellmu miegħu l-Arċisqof ta’ Malta Ġużeppi Merċieca, l-Isqof ta’ Għawdex Nikol Cauchi, il-President Ċensu Tabone, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami u l-Viċi Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Guido DeMarco.

Qabel ma ħalla pajjiżna l-Papa kien ħareġ fit-taraġ ta’ l-ajruplan u sellem lil dawk kollha li kienu qed isegwu.

Il-Kapijiet tal-Knisja Kattolika dejjem intlaqgħu tajjeb mill-Maltin bil-poplu Malti jinġabar sabiex jilqa’ b’idejh miftuha lill-Kap tar-reliġjon ta’ pajjiżna hekk kif inhu irrikonoxxut mill-Kostituzzjoni ta’ Malta. U għaldarboħra huwa mistenni li l-poplu Malti bi ħġaru jilqa’ lill-Papa Franġisku fl-ewwel żjara tiegħu f’Malta.