Internazzjonali

‘Parasite’ l-ewwel film mhux bl-Ingliż li qatt rebaħ Oscar

Film maħdum fil-Korea t’Isfel, Parasite, naqqax ismu fl-istorja hekk kif sar l-ewwel film mhux bl-Ingliż li rebaħ l-ogħla premju tal-Oscars – dak tal-aqwa stampa.

Parasite, li jesponi l-klassijiet soċjali differenti f’Seoul billi juża s-satira, rebaħ ukoll tliet unuri oħra: tal-aqwa direttur mirbuħ minn Bong Joon-ho, tal-aqwa screenplay oriġinali kif ukoll dak tal-kategorija tal-feature films internazzjonali.

F’mument minnhom, matul is-serata, l-organizzaturi ppruvaw jaqtgħu fil-qasir id-diskors tal-producer tal-film, billi tfew id-dwal, iżda din il-mossa ntlaqgħet minn ibbuwjar bid-diskors li seta’ jkompli.

Diżappunt għal 1917, li kien ikkunsidra bħala l-favorit tal-kategorija tal-aqwa stampa. Għalkemm rebaħ tliet Oscars, dawn kienu kollha għall-aspetti tekniċi ta’ dan il-film dwar l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Sadattant, għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu, Brad Pitt kiseb l-Oscar għall-parti tiegħu fil-film ta’ Quentin Tarantino, Once Upon a Time … in Hollywood.

Brad Pitt, li fil-passat kiseb Oscar bħala producer, għall-film 12 Years a Slave, uża d-diskors tiegħu għal messaġġ politiku dwar l-impeachement ta’ Donald Trump.

Waqt li Joaquin Phoenix rebaħ l-Oscar għall-interpretazzjoni tiegħu tal-karattru Joker, Laura Dern kisbet Oscar għall-parti tagħha f’Marriage Story.

Toy Story 4 kompla fuq is-suċċess ta’ Toy Story 3 bil-kisba tal-Oscar għall-aqwa film animat biex b’hekk saret l-ewwel franchise li rebħet dan l-unur darbtejn.

Mix-xena tal-mużika fil-films, Elton John u Bernie Taupin kisbu l-Oscar għall-aqwa kanzunetta oriġinali f’Rocketman, id-drama mużikali bbażata fuq ħajjet Elton John innifsu.

Għal sen’oħra l-Oscars ma kinux nieqsa mill-kontroversja, b’uħud jikkritikaw in-nuqqas ta’ inklużjoni u diversità.

Dan hekk kif kienet biss l-attriċi Cynthia Erivo, li ħadet sehem fil-biografija Harriet, l-unika persuna ta’ ġilda skura li ġiet nominata għall-Oscars.