Futbol Sport

Pelè ma jridx joħroġ mid-dar tiegħu minħabba saħħtu

(Ritratt: EPA)

It-tifel tal-leġġenda tal-futbol Pelè qal li l-eks attakkant ma jridx iħalli d-dar tiegħu minħabba li ma jistax jimxi mingħajr għajnuna. Pelè li hu meqjus bħala l-aqwa plejer ta’ kull żmien, is-sena l-oħra ttieħed l-isptar minħabba infezzjoni fl-awrina. It-tliet darbiet rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja, kellu problemi b’ġenbu għal xi żmien u issa jridu l-għajnuna biex jimxi, b’ħafna mill-aktar dehriet riċenti jkun f’siġġu tar-roti.

“Immaġina hu r-Re, dejjem kien figura importanti u llum ma jistax jimxi sew. Hu umiljat, ma jridx joħroġ jew xi ħadd jarah jew jagħmel xi ħaġa li tinvolvi li jkollu jħalli d-dar. Hu pjuttost fraġli. Hu kellu hip replacement u ma kellux rijabilitazzjoni kif suppost, għalhekk kellu problema bil-mobbiltà,” qal ibnu Edinho.

Pelè li għandu 79 sena, skorja rekord dinji ta’ 1,281 gowl f’1,363 logħba f’karriera ta’ 21 sena. Fosthom hu skorja 77 gowl f’91 logħba mat-tim nazzjonali Brażiljan. Is-saħħa tiegħu ilha ta’ tħassib għal diversi snin u fl-2015 kellu operazzjoni fil-prostata wara li kien iddaħħal l-isptar għat-tieni darba f’sitt xhur. Ġunju li ġej jimmarka l-50 sena anniversarju mill-aħħar Tazza tad-Dinja mirbuħa minn Pelè fil-Messiku, it-tim Brażiljan tal-1970 li ħafna jemmnu li hu l-aqwa tim ta’ kull żmien.

Tags