Knisja Lokali

Tagħlaq 140 sena l-istatwa ta’ San Pawl f’Ħal Qormi

Il-Qriema mill-Parroċċa ta’ San Bastjan matul tmiem il-ġimgħa tellgħu numru ta’ attivitajiet sabiex ifakkru l-140 sena tal-istatwa tal-ġebel ta’ San Pawl, fi Triq il-Kbira f’Ħal Qormi, ftit ‘l isfel mill-Għassa tal-Pulizija.

Din l-istatwa, li l-iskultur tagħha mhux magħruf, saret fuq xewqa tal-Qriema li jgħixu fl-akwati u tqiegħdet f’postha f’Ġunju tal-1980. Fl-aħħar snin l-istatwa ġiet irrestawrata u mogħtija d-dehra kif jistħoqqilha.

NET News tkellem mal-Arċipriet Ewkarist Zammit li tkellem dwar is-sinifikat tal-istatwa għall-Qriema.

Matul il-jum tas-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, fl-10 ta’ filgħodu saret quddiesa kkonċelebrata mill-Arċipriet u l-Kleru tal-Parroċċa quddiem l-istatwa tal-ġebel. Dan biex jitfakkar il-140 sena mindu saret.

Fl-aħħar tal-quddiesa nqrat poeżija ta’ Ġużè Muscat Azzopardi bħala parti mill-konċelebrazzjoni quddiem l-istatwa tal-ġebel f’din l-okkażjoni speċjali.

Dan wara li l-Ħadd, l-Għaqdiet Bastjaniżi flimkien mal-Parroċċa u b’kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi tellgħu Fiera Tradizzjonali.

Wieħed seta’ jgawdi minn wirja t’annimali u t’artiġġjanat Malti, żona għat-tfal b’logħob tradizzjonali, bejgħ ta’ frott taċ-ċitru u bejgħ tal-ikel, ħelu u xorb.

Waqt il-Fiera, sar ukoll it-Tberik tal-Annimali u fost l-ispettaklu mħejji, kien hemm daqq ta’ marċi mis-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan, għana, makjetti tradizzjonali u l-parteċipazzjoni ta’ grupp folkloristiku.