Lokali

Żewġ gruppi ta’ immigranti salvati fil-Mediterran – l-AFM mitluba tassisti

Fis-sigħat li ġejjin mistennija tittieħed deċiżjoni dwar jekk hux se jkun pajjiżna li jilqa’ lil grupp ta’ immigranti li ġew salvati fil-baħar Mediterran.

Dan wara li fl-aħħar sigħat il-bastiment Aita Mari, immexxi mill-għaqda mhux governattiva Spanjola Salvamento Maritimo Humanitario, tellgħet 93 persuna abbord.

L-ewwel rapporti jindikaw li l-immigranti salvati, 37 minuri, 40 raġel u 16-il mara, li tlieta minnhom qed jistennew tarbija, kienu fuq dgħajsa li kienet għal riħha.

Fl-aħħar sigħat inħolqot ukoll kontroversja dwar dgħajsa oħra, b’91 immigrant abbord, hekk kif ġew injorati t-talbiet tal-għaqda mhux governattiva Alarm Phone biex jiġu salvati.

Dan minkejja li kien rappurtat li d-dgħajsa qed tagħmel l-ilma u kien hemm immigrant li diġa’waqa’ fil-baħar.

Jidher li kienu biss il-Libjani li rrispondew għat-telefonati tagħha, iżda l-awtoritajiet Libjani qalu biss li ċ-ċentri tad-detenzjoni tagħhom huma mimlija.

L-aħħar wasla ta’ immigranti f’pajjiżna seħħet fil-bidu ta’ dan ix-xahar, meta l-Forzi Armati ta’ Malta wettqu ħidma ta’ salvataġġ ta’ 47 immigrant maqbuda bejn sema’ u ilma fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’Malta.

Il-wasla ta’ dawn kienet is-sitt waħda mill-bidu tas-sena. B’hekk l-ammont ta’ immigrant li ddaħħlu f’pajjiżna fl-2020 diġa laħaq il-550 persuna.