Lokali Qorti

Chantelle Chetcuti kienet basret li ġej l-eks tagħha

Mumenti qabel qalgħet diversi daqqiet ta’ sikkina, Chantelle Chetcuti kienet qed tilgħab il-billiard fil-każin tal-futbol ta’ Żabbar St.Patrick. L-eks sieħeb tagħha u missier iż-żewġ uliedha, Justin Borg kien qed idur warajha waqt li hija kienet qed tilgħab.

Justin beda jgħidilha ripetutament “Irrid inkellmek,” pero hi ma riditx. Hi ħarġet barra, Justin ħareġ warajha ftit wara. Sa dak il-ħin kien qiegħed jitkellem b’ton normali. Chantelle bdiet tinjorah u ddur mal-mejda tal-billiard.

Dan xhedu Silvan Medina hekk kif quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bdiet il-kumpilazzjoni ta’ Justin Borg ta’ 33 sena mixli bil-qtil tal-eks sieġba tiegħu Chantelle Chetcuti fit-2 ta’ Frar li għadda.

Huwa qed jiġi mixli b’ħames akkużi, l-aktar gravi bl-omiċidju ta’ Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena u omm ta’ żewġt ibniet minn Ħal Safi li liema każ seħħ fi Triq is-Santwarju għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija – barra l-Każin tal-futbol ta’ Żabbar St.Patrick’s.

Silvan Media qal li dak inhar huwa kien fil-kumpanija tal-vittma fejn hu kien iltaqa’ magħha l-ewwel darba f’Settembru tas-sena li għaddiet fil-festa ta’ Ħaż-Żabbar.

Huwa qal li dak inhar tal-inċident kellem lil Justin darba, meta Justin saqsieh biex ikellem lil Chantelle u huwa wieġebu “Ma nindaħalx bejnietkom.” Rigward il-ħin bejn meta ħarġet barra mill-bar, u bejn meta daħal ir-raġel jgħajjat għall-għajnuna, tenna li kien hemm xi minuta jew tnejn.

“Fil-bar, Justin deher idur mal-mejda tal-biiliard, normali. Xħin ħriġt barra, rajt lil Chantelle, pero lilu ma rajtux,” qal Medina li sostna li meta raha dik ix-xena makabra mar immedjatament jirrapporta lill-Pulizija.

Media qal ukoll li l-akkużat kien waħdu meta daħal fil-bar. Ħin minnhom, l-akkużat talbu biex ikellem lill-vittma, u Medina saħaq li hu ma riedx jidħol bejniethom.

Qal ukoll li f’ħin minnhom Chantelle ħarġet barra mill-bar u wara ħareġ warajha l-akkużat. Ftit sekondi wara, daħal raġel jgħajjat biex in-nies iċemplu għall-ambulanza. Medina tenna li kien daħal fi stabbiliment mal-vittma bejn il-5 u s-6pm.

Xehed ukoll l-Ispettur Kurt Zahra, li qal li flimkien mal-Ispettur Joanna Piscopo ħadu stqarrija ta’ Justin Borg. Qal li aktar tard li ttieħditlu l-istqarrija, l-Pulizija kienu infurmati li Chetcuti tilfet ħajjitha kawża tal-ġrieħi li kienet ġarrbet.

Zahra esebixxa tliet kopji taż-żewġ stqarrijiet li għamel miegħu l-akkużat. Il-Qorti ħatret esperta biex tagħmel traskrizzjoni tal-kontenut tat-tliet DVDs ppreżentati, biex tkun ippreżentata fl-atti.

Xehdet ukoll l-Ispettur Joanna Piscopo. Qalet li dakinhar, rċeviet telefonata mingħand Surġent tal-Pulizija li saħaq li kien seħħ argument bejn mara u raġel, u li l-mara sofriet diversi daqqiet, b’sikkinha mwaħħla ġo rasha.

Qalet li marret fil-post, infurmat lill-Maġistrat Inkwerenti, imbagħad mal-ħin bdiet tinforma lill-Maġistrat fuq l-esperti li kien hemm bżonn. Infurmat ukoll lill-Ispettur tas-CID, Kurt Zahra, u qaltlu x’ġara.

Qalet ukoll li kellmet lis-sidien ta’ Żabbar St Patricks FC, kif ukoll is-Social Club, biex tieħu x-xhieda. Ċemplulha mill-Control Room u qalulha li kien hemm raġel bl-isem ta’ Justin jgħid li ta daqqa lil Chantelle, u li ttieħed l-isptar għal kura f’idu.

Qalet li Justin Borg ingħata caution mill-Pulizja tal-RIU, infurmah li kien qiegħed jiġi arrestat, u li kienet sejra sseħħ tfittxija fuqu. Wara tela’ jixhed Antonio Mangion, residenti Ħaż-Żabbar, li kien mar jitkellem u jagħmel rapport lill-Pulizija fuq x’ġara.

Mangion qal lli dakinhar għal xit-8:00 p.m, kien qed iwassal it-tfal. Kif għadda minn quddiem il-Każin tal-futbol, ra mara u raġel fuq bankina. Kif qasam it-triq, ra raġel ixejjer xi daqqiet, u mara tinżel. Kompla jgħid li huwa waqaf mill-karozza, mar jagħti l-għajnuna lill-mara għax ħasibha li waqgħet jew li ta daqqa u stordieha.

Kif avviċina lill-mara, raha tferfer idejha, pero l-mara ma bdietx tiċċaqlaq ħafna u kellha sikkina f’rasha. Mangion kompla “Naf li kien magħha, kellu l-karozza pparkjata ħdejn il-Knisja ta’ Ħaż Żabbar, daħal fil-karozza u telaq”.

Kompla jgħid li wiċċu ma rahx. Dejjem assuma li kienet daqqa ta’ ponn u mhux daqqa ta’ sikkina. “Ma tanix id-demm li nibqa sejjer, għalhekk waqaft.”

Tenna li xħin għadda kienu qed jitkellmu normali u ma kienx hemm aġitazzjoni. Tant hu hekk li r-raġel li ta daqqa lill-mara, ma telaqx jiġri lejn il-karozza, deher miexi b’pass normali.

X’ħin mar fuq il-mara, qal li kienet mal-art, b’xagħarha mniżżel, bil-manku tas-sikkina ħiereġ minn moħħha. Qal ukoll li barra mill-każin ma kien hemm ħadd aktar u li kif ra b’għajnejh x’kien ġara daħal ġewwa u beda isejjaħ għall-għajjut.

Xhud ieħor kien il-Kuntistabbli tal-Pulizija Dexter Agius, li jaħdem fil-min gate tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Qal li huwa kien xogħol ta’ billejl, u għall-ħabta tat-8:20 p.m, l-akkużat kien d-depot, u ammetta li huwa kien għadu kif ta daqqa ta’ sikkina lill-eks tfajla tiegħu.

Għalhekk huwa ċempel lill-RIU u l-Control Room, ġiet l-ambulanza, u ħaduh għax kellu xi feriti. Il-Kuntistabbli qal li l-akkuat li kellu xokk fuqu, pero kien għadu kalm. kellu d-dmija fuqu u fuq idejh. Saħaq ukoll li kellu idu tal-lemin “miftuħa”, u ħiereġ id-demm minnha.

Il-Prosekuzzjoni ħabbret li għalisssa kienet qed itemm il-preżentazzjoni għax-xhieda tagħha. Il-kumpilazzjoni għandha tkompli nhar it-Tnejn fl-24 ta’ Frar, għall-ħabta ta’ nofsinhar.