Internazzjonali

Coronavirus: Il-vittmi jaqbżu 1,000 – iżda tonqos ir-rata ta’ każi ġodda

It-tmexxija Komunista Ċiniża ħadet passi dixxiplinarji u neħħiet diversi uffiċjali għolja fir-reġjun ta’ Hubei għall-mod kif irreaġixxew għall-firxa tal-Coronavirus. Skont il-media tal-Istat, it-tkeċċijiet u sospensjonijiet, kemm minn karigi governattivi kif ukoll mill-Partit Komunista, jammontaw għal mijiet.

Dan hekk kif in-numru ta’ vittmi fiċ-Ċina issa qabeż l-1,000 persuna – preċiżament 1,016. B’103 persuni jmutu f’dan ir-reġjun it-Tnejn biss, li huwa rekord għal ġurnata waħda minn meta faqqa’ l-virus.

Min-naħa l-oħra, sinjal inkoroġġanti kien it-tnaqqis ta’ madwar 20% fir-rata ta’ infezzjonijiet ġodda madwar il-pajjiż meta mqabbel mal-jum ta’ qabel; minn 3,062 għal 2,478.

B’kollox hemm iktar minn 42,200 każ konfermat madwar iċ-Ċina; iktar minn 75% fil-provinċja ta’ Hubei. L-infezzjoni wasslet għall-mewt tal-pazjent fi 3% tal-każi.

Din hi l-agħar kriżi ta’ saħħa pubblika li laqtet iċ-Ċina minn meta faqqgħet l-epidemija tal-virus Sars 18-il sena ilu (2002-2003).

Ikkummenta