Edukazzjoni Lokali Parlament

Ġenituri jissejħu biex jiġbru lil uliedhom mill-iskola għax m’għandhomx LSE

Saħansitra jkollhom jużaw il-leave kollu mix-xogħol biex joqogħdu d-dar mat-tfal ħabba f'hekk

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilità, Maria Deguara, elenkat kif numru kbir ta’ ġenituri infurmawha kif jiġu msejjħa bosta drabi mill-Kap tal-Iskola biex jiġbru lil uliedhom, li jeħtieġu attenzjoni individwali, jew jgħidulhom biex iħalluhom id-dar kull meta jkun hemm LSE nieqes.

Dan żvelatu fil-Parlament it-Tlieta waqt li kienet qed tindirizza mistoqsija supplementari lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici, li anki huwa ammetta li huwa infurmat b’dawn il-każijiet.

Id-deputat Nazzjonalista saħqet kif taf b’każ partikolari ta’ ġenituri li saħansitra se jkollhom jużaw il-leave kollu ta’ sena biex joqogħdu ma’ uliedhom għaliex mhux se jkollhom LSE bejn il-5 u l-21 ta’ Frar sakemm din tintbagħat fi skola oħra għall-inviġilazzjoni.

Maria Deguara staqsiet ukoll kif qiegħed jiġi kkontrollat il-bullying fl-iskejjel u jekk qattx sar xi tip ta’ awditjar hekk kif it-tweġibiet mogħtija mill-Kapijiet tal-Iskejjel hi tant assurda li t-tobba jispiċċaw jaraw lit-tfal meta jkunu jeħtieġu assessment psikoloġiku.

It-tweġiba tal-Ministru tal-Edukazzjoni kienet li dawn il-materji ma jħalluhx jorqod bil-lejl u sempliċiment irrefera għall-parabbola tan-nagħġa u r-ragħaj billi xebbah lill-istudent Malti bħala n-nagħġa u sostna li lanqas nagħġa mhi se tintilef mis-sistema edukattiva, tiswa kemm tiswa lill-Gvern.

Intant bi tweġiba għal domanda supplementari tad-deputat Nazzjonalista, Herman Schiavone, Owen Bonnici ammetta li għad jonqos bosta għalliema u LSEs biex dawn ilaħħqu mad-domanda rikjesta fis-settur edukattiv.