Internazzjonali

Iċ-Ċina: Il-mejtin mill-virus jaqbżu l-1,000 iżda hemm tama għall-futur

L-ammont ta’ mejtin mill-coronavirus li qed jinfirex maċ-Ċina issa qabeż l-1,000 waqt li l-awtoritajiet komunisti qegħdin ikomplu bil-miżuri ddisprati biex irażżnu l-kriżi.

Intant, fl-aħħar sigħat tneħħew mill-kariga numru ta’ uffiċjali ewlenin minħabba ‘il-mod kif huma trattaw din l-epidemija’. Fost dawn kien hemm is-Segretarju tal-Partit Komunista għall-Kummissjoni tas-Saħħa fil-provinċja ta’ Hubei ( fejn feġġ il-coronavirus) u l-Kap tal-Kummissjoni partikulari. Dawn it-tnejn huma l-aktar uffiċjali ewlenin li ħallsu bil-karriera tagħhom għall-kriżi nazzjonali li ġabet l-epidemija.

Fl-aħħar sigħat tneħħa wkoll il-viċi direttur tal-fergħa lokali tas-Salib l-Aħmar. Dan fost stqarrija li l-viċi direttur ‘ma mexiex skont ir-responsabbiltajiet tiegħu relatati mal-impenji ta’ donazzjonijiet’.

Il-media tal-Istat sostniet li saru l-mijiet tat-tkeċċijiet, investigazzjonijiet u ‘twissijiet’ madwar Hubei u l-provinċji l-oħra taċ-Ċina minħabba l-firxa tal-coronavirus. Minbarra t-tkeċċijiet mix-xogħol, l-uffiċjali inkwistjoni jistgħu anki jingħataw ‘pieni addizzjonali’ mill-Partit Komunista fil-Gvern.

Sadanittant, sar magħruf  li nhar it-Tnejn mietu 103 mill-virus fil-provinċja ta’ Hubei biss li hi ċifra record għal ġurnata waħda. Iċ-ċifra tal-mejtin mill-coronavirus fiċ-Ċina, s’issa, hi stabbilita mal-1,016.

Fl-istess ħin, iżda, feġġ anki xaqq ta’ dawl, peress li n-numru ta’ infezzjonijiet ġodda mill-virus fiċ-Ċina naqsu bi kważi 20 fil-mija ‘minn tal-24 siegħa preċedenti’.

Intant, Zhong Nanshan, espert ewlieni Ċiniż dwar il-viruses, qal li l-effetti ta’ dan il-coronavirus għandhom jilħqu l-massimu fiċ-Ċina dan ix-xahar u li l-epidemija ‘kapaċi tkun spiċċat sa April’.