Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kunsill Ewropew se jiddiskuti l-proposti tal-Parlament Ewropew għall-Budget li jmiss

Il-proposti tal-PE diskussi mal-ġurnalisti

Ftit jiem qabel ma l-Mexxejja tal-Gvernijiet Ewropej jiddiskuti l-Budget il-ġdid tal-Unjoni Ewropea, li jinkorpora s-snin bejn l-2021 u l-2027, il-membri tal-Kumitat tal-Parlament dwar il-Budgets sejħu lill-ġurnalisti fil-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu biex jispjegaw il-ħidma li qed jagħmel il-Parlament f’dan is-settur. Il-laqgħa saret waqt li fil-belt Franċiża għaddejja wkoll ġimgħa ta’ seduti fil-Plenarja.

Għadd ta’ Rapporteurs tal-Kumitat, immexxija miċ-Chairman, il-Belġjan Johan Van Overtveldt, spjegaw li waħda mill-akbar prijoritajiet għall-Parlament Ewropew hi l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, fejn qed jissuġġerixxi li jkunu ddedikati madwar 25% tal-fondi għal dan is-settur.

U għax l-Ambjent hu importanti għall-Parlament Ewropew, qed tkun diskussa wkoll taxxa fuq il-plastik, bit-tama li fi ftit snin, jitneħħa għalkollox l-użu ta’ dan il-materjal. Tennew li għadna lura, iżda bil-mod il-mod naslu.

Suġġetti oħrajn li qed jingħataw prijorità mill-MEPs f’dan il-Kumitat huma l-immigrazzjoni u anke li jissaħħaħ il-mekkaniżmu tas-saltna tad-dritt. Spjegaw li dawn huma sfidi li qed jiswew il-flus lill-Unjoni Ewropea u għalhekk, issa hu ż-żmien li ninvestu aktar fihom.

Fl-aħħar snin, il-Parlament Ewropew ħadem bis-saħħa kollha biex is-saltna tad-dritt tissaħħaħ f’pajjiżna. Dan filwaqt li kkritika għal diversi drabi, u f’diversi rapporti, lill-Gvern Laburista Malti għall-mod kif għarraq għalkollox is-saltna tad-dritt.

Hekk kif irrikonoxxew li l-Istati Membri li l-aktar jikkontribwixxu ma tantx jagħtu importanza lill-Budget Ewropew, għax ma jaqbilx lilhom finanzjarjament, appellawlhom li għandhom id-dmir jifhmu li l-Budget jgħin fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea, partikolarment f’dawn il-prijoritajiet, anke jekk ma jolqtux direttament lilhom.

Il-membri tal-Kumitat, partikolarment, ir-Rapporteur Portugiż José Manuel Fernandes, kellhom kliem iebes fil-konfront tar-Renju Unit, hekk kif issa m’għadux Membru Sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Hu kkummenta li l-Budget li ġej mistenni jkun wieħed relattivament żgħir, anke minħabba li dak iż-żmien, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron kien talab li jiġri hekk. Iżda issa fejn huma r-Renju Unit u David Cameron, staqsa.

Iżda b’dan il-Budget żgħir, il-Parlament Ewropew qed jibqa’ jipproponi dak kollu possibbli għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej, b’importanza partikolari wkoll għall-investiment. U għalkemm għall-Parlament Ewropew, l-investiment hu importanti, sfortunatament iċ-ċittadini ma jafux kemm tingħata importanza lil dan is-settur.

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ewropa, li se tibda fl-20 ta’ Frar, il-Mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu dawn il-prijoritajiet u oħrajn li qed ikunu ppreżentati minn dan il-Kumitat. Iżda biex dawn jidħlu fis-seħħ, ikun hemm bżonn qbil bejn l-Istati Membri kollha dwar il-proposti kollha.

Il-membri tal-Kumitat dwar il-Budgets awguraw li f’din il-laqgħa, l-Mexxejja Ewropej jaslu imqar għal qbil parzjali, għalkemm it-tama hi li eventwalment ilkoll naslu għal ftehim konkret.