Internazzjonali

Il-qilla tal-maltempata ‘Ciara’: Jiżdiedu l-mejtin madwar l-Ewropa

Talanqas seba’ persuni tilfu ħajjithom f’diversi bnadi tal-Ewropa waqt li l-elementi kiefra tal-Maltempata ‘Ciara’ komplew javvanzaw lejn iz-zoni tal-lvant tal-kontinent. Dan waqt li l-awtoritajiet f’diversi pajjiżi komplew jirrappurtaw il-ħsarat sinifikanti mill-maltemp, bil-mezzi tat-trasport jieħdu daqqa kbira. Il-maltemp, fl-istess ħin, ħalla lill-mijiet tal-eluf mingħajr servizzi tad-dawl madwar l-Ewropa.

Filwaqt li l-awtoritajiet qed jagħmlu l-analiżi tal-maltempata f’termini ta’ qerda u ħajja mitlufa, jidher li l-akbar numru ta’ vittmi f’inċident wieħed seħħ, fl-aħħar sigħat, fil-Polonja. Dan meta l-irwiefen qawwija minn ‘Ciara’ qerdu parti minn stabbiliment bir-riżultat li mietu mara u ż-żewġ uliedha – bil-missier jispiċċa midrub.

Intant, kienu rappurtati imwiet oħra dovuti għall-maltemp fl-Iżvezja, il-Ġermanja, is-Slovenja ir-Renju Unit u pajjiżi oħra.

Il-gżira Franċiża ta’ Corsica, fil-Mediterran, irreġistrat irwiefen b’veloċità ta’ mill-anqas 220 kilometru fis-siegħa matul il-lejl li għadda. L-irwiefen anki kkaġunaw in-nirien lejn in-naħa ta’fuq ta’ Corsica, bis-servizzi tal-portijiet u t-titjiriet mill-gżira jbatu miċ-ċirkustanzi kaotiċi.

L-irwiefen ta’ ‘il fuq minn 200 kilometru fis-siegħa kienu anki reġistrati fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. L-aħħar rapporti mill-Italja qalu li mara ta’ 71 sena nqatlet meta laqtuha partijiet mis-saqaf ta’ dar li ċedew fost il-maltemp. L-inċident seħħ fl-inħawi ta’ Traona fir-reġjun ta’ Lombardija.

Intant, il-maltempata ‘Ciara’ – li anki ngħatat il-laqam ‘Sabine’ f’diversi partijiet tal-Ewropa – kompliet twettaq ħsarat ta’ valur ‘inkalkulabbli’.

Dan waqt li waqaf it-trasport madwar l-Ewropa, bl-iskejjel ikunu kostretti li jagħlqu madwar il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Olanda. L-awtoritajiet fl-Olanda fl-aħħar sigħat irrappurtaw konġestjoni ta’ traffiku għal aktar minn 720 kilometru madwar il-pajjiż, bit-titjiriet mill-Olanda jibqgħu jaħbtu mal-intoppi ( ilbieraħ) wara li l-linji tal-ajru ħassru l-mijiet tal-vjaġġi.

Inċident partikulari ieħor, dovut għal ‘Ciara’, seħħ fil-Ġermanja fejn ċeda krejn għal fuq il-Katidral ta’ Frankfurt, bir-riżultat li ħalla l-ħsarat fis-saqaf tal-bini. Sadanittant, is-suq tal-ħut famuż f’Hamburg baqa’ mgħarraq wara li spinta ta’ maltemp tellgħet il-livell tal-baħar fiz-zona sa 2.7 metri ‘il fuq min-normal.

L-irwiefen, fl-aħħar sigħat, komplew joħolqu l-problemi madwar il-kontinent,

Dan meta l-pont ta’ Oresund bejn id-Danimarka u l-Iżvezja kellu jagħlaq għal numru ta’ sigħat. Intant, l-irwiefen fir-Repubblika Ċeka laħqu massimu ta’ 180 kilometru fis-siegħa. Il-pulizija Ċeki qalu li l-maltemp ta’ ‘Ciara’ x’aktarx kien il-kaġun ta’ inċident b’karozza li fih tilef ħajtu raġel. L-ammont ta’ vittmi mill-maltemp fl-Ewropa mistennji li jiżdied fis-sigħat li ġejjin.

Ikkummenta