Lokali

Investigati allegazzjonijiet serji ta’ abbuż minn Pulizija

Numru ta’ Pulizija mistennija li jiġu investigati b’konnessjoni ma’ abbuż fis-sigħat tax-xogħol.

Din l-aħbar ġiet żvelata mit-Times, u konfermata anki permezz ta’ stqarrija mill-Korp tal-Pulizija. Kollox jindika li dan l-abbuż ilu għaddej ix-xhur, u li kollox inkixef wara li tkellem whistleblower u kixef ħlasijiet ta’ overtime għal xogħol li qatt ma sar.

Meta l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri kien mistoqsi dwar dan ir-racket, hu saħaq illi ma jafx kemm hemm uffiċjali involuti.

Mistoqsi wkoll dwar x’azzjoni se tittieħed fil-konfront ta’ dawn l-uffiċjali tal-Pulizija, huwa naqas milli jwieġeb.

Intant saqsejna lill-Ministru x’miżuri qed jittieħdu biex is-sitwazzjoni fil-korp tal-Pulizija titjieb, meta diġà hemm nuqqas ta’ riżorsi umani. Dwar dan, hu naqas milli jwieġeb u jgħidilna kif se jsolvi din il-problema.

Wara din l-aħbar is-sitwazzjoni preżenti fil-Karp kompliet tiggrava hekk kif pulizija oħra se jkollhom jieħdu post dawk li allegatament abbużaw mis-sigħat tagħhom fuq ix-xogħol.

Il-pulizija min-naħa tagħha qalet li se tieħu l-passi kollha meħtieġa fil-konfront ta’ dawn l-uffiċjali wara ġimgħat ta’ investigazzjoni fuq dan il-każ. Mhux eskluz li xi Pulizija jitressqu l-Qorti.

Il-Korp tal-Pulizija preżentament għaddej minn taqlib hekk kif sa issa għadu mmexxi minn Aġent Kummissarju wara rriżenja ta’ Laurence Cutajar.