Lokali Qorti

Kuntrattur immultat €10,000 fuq il-mewt ta’ ħaddiem li waqa’ erba’ sulari għal isfel

Kuntrattur fil-kostruzzjoni ġie mmultat €10,000 mill-Maġistrat Nadine Sant wara li nstab ħati li kiser ir-regolamenti għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b’konsegwenza li ħaddiem tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol.
Il-każ kien seħħ fil-11 ta’ Marzu tal-2014, meta ħaddiem ta’ 37 sena mil-

Liberja li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Mosta waqa’ erba’ sulari għal isfel u tilef ħajtu. Fil-ħin tal-inċident il-ħaddiem kien qed inaddaf il-konkos żejjed mix-xifer tal-binja li ma kellhiex ilqugħ.

Il-Kuntrattur, raġel ta’ 33 sena mill-Imqabba, instab ħati ta’ diversi nuqqasijiet, fosthom li naqas milli jassigura li l-vittma jilbes ‘safety harness’. Sadanittant ingħad ukoll li l-vittma ma kienx ingħata t-taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u kien jitħalla jaħdem waħdu.

Il-Qorti sabet li l-kuntrattur naqas ukoll li jieħu miżuri ta’ protezzjoni biex jkunu evitati waqgħat mill-għoli, fosthom billi ma assigurax li jkun hemm ilqugħ solidu li jkun għoli biżżejjed u li jkollu tal-anqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju.

Instab ħati li naqas li jassigura li x-xogħol fil-għoli jsir biss b’apparat speċjali jew bl-użu ta’ apparat ta’ protezzjoni kollettiv bħalma huma bennieni, il-pjattaformi jew ixxbieki tas-sigurtà.

F’każ li minħabba n-natura tax-xogħol dan l-apparat ma jkunx jista’jintuża, allura għandu jiġi żgurat li jiġu pprovduti safety harnesses jew metodi ta’ ankraġġ oħra.

Nuqqas ieħor li nstab ħati tiegħu kien li s-sit ta’ kostruzzjoni ma nżammx tajjeb u fi stat nadif. Il-prosekuzzjoni tmexxiet blassistenza tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).