L-akbar tliet partiti politiċi tal-Irlanda issa qed jikkonċentraw fuq il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid wara l-konferma finali tar-riżultati tal-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li għadda.
Il-Partit Fianna Fail rebaħ l-akbar numru ta’ siġġijiet (38) b’vantaġġ ta’ siġġu wieħed biss fuq il-Partit Sinn Fein li qed jiċċelebra l-aqwa riżultat elettorali fl-istorja. Is-Sinn Fein hu l-alleat politiku tal-grupp IRA magħmul minn paramilitari repubblikani.
Intant, il-Partit Fine Gael spiċċa b’35 siġġu, fejn tilef 15 mill-ammont li kiseb fl-elezzjoni ġenerali tal-2016. Jeħtieġ li partit politiku jikseb 80 siġġu għal maġġoranza fid-Dail Eireann (Parlament Irlandiż) magħmul minn 160 deputat.
Fl-istess ħin, l-osservaturi jemmnu li kapaċi jġebbdu fit-tul in-negozjati għat-twaqqif ta’ Gvern f’Dublin. Dan meta qabel l-elezzjoni, il-Fine Gael u Fianna Fail eskludew li jidħlu f’koalizzjoni mas-Sinn Fein tax-xellug minħabba l-passat tiegħu relatat għall-IRA u l-politika tat-taxxa li qed jippromwovi.
Intant, u waqt li l-Prim Ministru Irlandiż u Kap ta’ Fine Gael, Leo Varadkar, ammetta li se jkun ‘diffiċli’ biex jiffurmaw Gvern, il-Kap ta’ Fianna Fail, Michael Martin, fl-aħħar sigħat ma eskludiex li. ‘il quddiem, jaħdem flimkien ma’ Sinn Fein.
Madankollu, Martin, fl-istess ħin, enfasizza li ‘fadal xorta elementi ta’ inkompatibbiltà sinifikanti’.
//= $special ?>