Għexieren ta’ eluf ta’ Iranjani mlew it-toroq ta’ Tehran u bliet oħrajn biex ifakkru l-41 anniversarju tar-Rivoluzzjoni Iżlamika. L-avvenimenti ta’ din is-sena sadanittant kellhom aspett aktar sinifikanti mis-soltu meta qed teskala t-tensjoni bejn ir-reġim Iranjan Iżlamiku u l-Istati Uniti.
Il-filmati li ħarġu llum mill-Iran urew id-dimostrazzjonijiet f’numru ta’ bliet bħal Mashhad, Ahvaz u Kerman fejn in-nies ġarrew it-tabelluni b’messaġġi anti-Amerikani u kontra Iżrael.
Spikkaw ukoll il-missili bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju u wara li l-President Iranjan, Hassan Rouhani, kien tenna li l-programm tal-missili (tal-Iran) mhux intenzjonat għal xi attakki fuq l-Istati ġirien.
L-anniversarju kellu jasal fi żmien ta’ inċertezza rari wara li l-Iran kien wasal qrib ħafna ta’ konflitt totali mal-Istati Uniti. Dan wara li drone tal-Amerikani, fit-3 ta’ Jannar, qatel lill-kmandant Iranjan ewlieni, Qassem Soleimani li kien qiegħed f’ajruport tal-Iraq.
L-Iran kien irritalja jiem wara għall-attakk permezz ta’ baraxx ta’ missili kontra bażi tal-militar Amerikan fl-Iraq u li, b’kaġun tiegħu, ‘il fuq minn 100 suldat spiċċaw ibatu minn effetti trawmatiċi fil-moħħ.
//= $special ?>