Lokali

Materjal li kien ta’ Ġużè Chetcuti issa jinsab fil-librerija tal-Università

Il-Librerija tal-Università ta’ Malta ngħatat l-arkivju ta’ Ġużè Chetcuti mill-familja tal-awtur. Il-materjal jinkludi manuskritti, kotba, ittri, kitbiet fil-gazzetti, ritratti, u tifkiriet oħrajn li żamm Ġużè Chetcuti.

Ġużè Chetcuti

Dawn issa jinsabu fit-taqsima tal-Arkivji tal-Librerija tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq. Ir-riċerkaturi jistgħu jfittxu dan il-materjal direttament minn fuq OAR@UM jew permezz tas-sistema Hydi fuq is-sit elettroniku tal-Librerija.

Chetcuti kien rumanzier u drammaturgu ewlieni u kiteb ukoll għadd ta’ xogħlijiet letterarji oħrajn, fosthom poeżiji, kitbiet għall-mezzi tax-xandir u studji dwar l-ilsien Malti u dwar il-letteratura. L-awtur ħadem mill-qrib ma’ wħud mill-protagonisti tal-istorja tal-Malti, fost l-oħrajn fl-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti.

Il-preżentazzjoni ta’ din il-kollezzjoni saret nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar.

Il-Professur Oliver Friggieri jsegwi l-manuskritti ta’ Gużè Chetcuti