Lokali Qorti

Mhux magħruf fhiex waslet l-inkjesta fuq ix-xogħol fantażma li ngħata Melvin Theuma

L-Ispettur Nicholas Vella li huwa Spettur fl-Iskwadra kontra l-Ħasil tal-Flus u li jaħdem fl-istess taqsima tal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla, li setax jattendi l-Qorti qal li f’dan l-istadju għaddejja nkjesta Maġisterjali fuq ix-xogħol fantażma li ngħata Melvin Theuma, li għalih kien jitħallas mingħajr ma jmur għax-xogħol.

Huwa kien qed jagħti x-xhieda tiegħu quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff fil-kawża li fetaħ Yorgen Fenech kontra l-Kummissarju tal-Pulizija biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jkomplix jinvestiga l-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minħabba kunflitt ta’ nteress peress li huwa kien midħla ta’ l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black huwa suspettat li hu l-moħħ wara l-assassinju, fetaħ każ kostituzzjonali f’tentattiv biex Arnaud jitneħħa minn fuq il-każ.

F’dan il-każ hemm implikat Keith Schembri hekk kif Melvin Theuma, taħt xhieda ġuramentata, iddikjara li tawh job minn Kastilja wara li Keith Schembri sejjaħlu fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, offrielu kafe u wara tah tour ta’ Kastilja.

Theuma wara kien mar il-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali fejn mingħajr ma talab kien ingħata xogħol mal-kumpanija Housing Maintenance and Embelleshment li taqa’ taħt l-istess Ministeru fejn minn hemm dam jitħallas għal erba’ xhur sħaħ mingħajr qatt ma resaq lejn ix-xogħol.

L-Ispettur qal ukoll li qegħdin isiru investigazzjonijiet dwar ‘leaks’ żvelar ta’ informazzjoni) miexja, imma ma jistax jgħid f’liem stadju waslet. Dan wara li l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg staqsiet dwar l-allegat żvelar ta’ informazzjoni.

L-Ispettur tenna li kien konxju “tal-kwistjoni tal-leaks,” u xehed li saret laqgħa li kellu mal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla, flmkien ma’ żewġ spetturi oħra u li dawn qeghħdin jinvestigaw. Mistoqsi min huma l-Ispetturi, x-xhud qal li dawn huma Yvonne Farrugia u Sean Farrugia.

Sadanittant l-Avukati ta’ Yorgen Fenech qalu li huma m’għandhom domandi x’jagħmlu lill-Ispettur Keith Arnaud fil-kontro-eżami. Xehed ukoll fil-qosor l-Avukat Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-ġurnalista assassinata, li qal li hu u wliedu għandhom fiduċja sħiħa fl-Ispettur Keith Arnaud u fl-Ispettur Kurt Zahra, li kien dak li ħabbar lil Caruana Galizia l-mewt ta’ martu.

Fuq mistoqsija tal-Avukat Gianluca Caruana Curran, li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri qed jidher għal Yorgen Fenech, ir-raġel tal-vittma qal ukoll li eżatt qabel l-elezzjoni tal-2013, l-Ispettur Arnaud kien kien mar id-dar tiegħu biex jarresta lil martu minħabba li skont hu kienet kisret jum is-silenzja meta tefgħet post fuq il-blog tagħha. Il-każ ġie aġġornat għas-6 ta’ Marzu f’11.45am.