Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Nominata għat-tielet darba għall-unur tal-MEP tas-Sena

Il-Membru tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola ġiet innominata bħala l-MPE tas-Sena għall-ħidma tagħha fuq il-ġustizzja għat-tielet darba… numru rekord ta’ nominazzjonijiet għal dan l-unur tant prestiġjuż fl-Ewropa.

B’mod partikolari, l-organizzaturi kkwotaw il-ħidma tagħha fil-ħarsien tas-saltna tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ewropa kollha u r-rwol tagħha fil-ħarsien tal-ġustizzja, il-verità u r-responsabbiltà wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bħala l-fatturi ewlenin wara n-nomina tagħha.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha, Roberta Metsola qalet li tinsab kuntenta ħafna li ġiet innominata wara “sena  impenjattiva kemm f’termini ta’ negozjar ta’ leġislazzjoni ġdida, kif ukoll minħabba l-kampanja għal elezzjoni Ewropea, u anki f’dak li għandu x’jaqsam ma riformi fuq livell Ewropew.”

“Huwa unur li wieħed ikun nominat għal dan il-premju prestiġjuż għat-tielet darba. Meta ġejt eletta għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew, ġejt determinata li nuri li r-realtajiet ġeografiċi ta’ Malta mhumiex ta’ xkiel għad-determinazzjoni tagħna bħala pajjiż jew bħala poplu.” Kompliet tgħid l-MEP Nazzjonalista.

F’messaġġ lil nisa żgħażagħ, Metsola qalet li tispera li n-nomina tagħha turi “li hija s-saħħa tal-argumenti li hu l-iktar importanti u mhux il-volum tal-vuċi”.

Is-sena li għaddiet, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fi  Brussell, kienet ir-rapporteur li kitbet u nnegozjat il-liġi l-ġdida tal-UE dwar il-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta Ewropea, li ppermettiet 10,000 gwardja ġdida fil-fruntieri tal-Ewropa.

Metsola ġiet eletta wkoll bħala l-ko-president tal-korp il-ġdid Kontra l-Korruzzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-MEP diġa ingħatat il-premju tal-ewroparlamentari tas-Sena darbtejn qabel.

Nominat ukoll l-MEP Laburista Alex Agius Saliba fil-kategorija tas-suq intern.

Ir-rebbieħa f’kull kategorija jitħabbru waqt ċerimonja fi Brussell fil-25 ta’ Marzu 2020.