Internazzjonali

Omar al-Bashir: Is-Sudan jaqbel li l-eks President jitressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali

Il-mexxejja tas-Sudan qablu li s-Sudaniżi mfittxija mill-Qorti Internazzjonali Kriminali jridu jitressqu quddiem it-tribunal ta’ The Hague ( fl-Olanda). L-impenn kien konkluż waqt taħditiet ta’ paċi bejn il-Gvern tas-Sudan u l-gruppi tar-ribelli mir-reġjun ta’ Darfur.

L-aktar fattur sinifikanti tad-deċiżjoni hu li l-impenn tas-Sudan se jwitti t-triq biex l-eks President Sudaniż, Omar al-Bashir, jintbagħat lejn The Hague fejn irid iwieġeb għal numru ta’ akkużi fil-konfront tiegħu.

Bashir hu akkużat dwar ġenoċidju u reati tal-gwerra fil-konflitt tal-2003 f’Darfur u li fih tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 300,000.

Omar al-Bashir kien tkeċċa mill-Presidenza tas-Sudan f’April tas-sena l-oħra. Hu kien ħataf il-poter waqt kolp ta’ stat li seħħ fl-1989 u kien ilu minn dak iż-żmien imexxi lis-Sudan bil-ponn tal-ħadid.

Intant, il-prosekuturi f’The Hague qed jitolbu biex Bashir ikun proċessat (fl-Olanda) dwar l-omiċidji u reati kontra l-bniedem ta’ Darfur.