Futbol Sport

Pochettino jammetti li jixtieq jirritorna fil-Premier League

(Ritratt: EPA)

Mauricio Pochettino ammetta li jixtieq jirritorna jmexxi klabb fil-Premier League Ingliż. Pochettino li għandu 47 sena ilu kważi tliet xhur mingħajr klabb wara li tkeċċa minn manager ta’ Tottenham u f’dan iż-żmien ħa pawża fejn inqata’ kompletament mill-futbol.

“Biex inkun onest, nixtieq naħdem fil-Premier League. Se tkun diffiċli, naf u għalissa hu mument li nistenna u nara x’jiġri. Hu mument biex nirkupra, naħseb ftit fuq nnifsi u nkun lest għaliex fil-futbol dejjem jista’ jiġri xi ħaġa u trid tkun lest. Jien lest u qed nistenna għal sfida ġdida. Għandi l-fiduċja u l-kunfidenza li l-isfida li jmiss se tkun fantastika,” qal Pochettino.

L-Arġentin qal li hu kburi b’dak li kiseb ma’ Tottenham u jqis ħafna affarijiet pożittivi li ġraw fil-klabb. Fosthom hu semma t-tranżizzjoni kif kellu jitwaqqa’ White Hart Lane biex jinbena l-istadium il-ġdid. Hu tkellem b’mod partikolari dwar il-fatt li għal tlieta jew erba’ snin lagħbu fiċ-Champions League kif ukoll li spiċċaw diversi drabi qabel Arsenal. Għalih il-legat hu li għandhom il-klabb u l-istadium u li skont hu jfisser aktar minn rebħ ta’ unuri.

Pochettino beda l-esperjenza bħala manager ta’ Tottenham fis-sajf tal-2014 u mexxa l-klabb għal ftit aktar minn ħames staġuni. Minkejja li naqas li jirbaħ unur, l-akbar kisba tiegħu hi li wassal lil Tottenham sal-finali tal-UEFA Champions League għall-ewwel darba. Fost l-ispekulazzjoni, Pochettino qed jissemma li hu fil-mira ta’ Manchester United u Barcelona.