Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iż-żewġ judokas Maltin Jeremy Saywell u Isaac Bezzina bdew l-impenji internazzjonali tagħhom għal din is-sena. Huma ħadu sehem fil-Grand Slam ta’ Pariġi li hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa tournaments fid-dinja. Din l-edizzjoni kienet tikkonsisti f’722 konfront, b’680 kompetitur minn 115-il pajjiż.
Jeremy Saywell ħa d-deċiżjoni li jitla’ kategorija u kkontesta l-kategorija tat-73kg. Saywell wasal sat-tielet rawnd meta kien megħlub minn Mrowczynski Wiktor. Il-Pollakk li għadu kif għeleb liċ-champion Ewropew Tommy Macias tal-Iżvezja, xeħet lil Saywell għal Ippon fl-ewwel minuta tal-logħba. Fl-ewwel rawnd hu ma kienx ikkontestat u fit-tieni rawnd għeleb lill-Bulgaru Mihaylov Yavor. Hu pprova l-ewwel attakk tiegħu b’seoi otoshi (teknika bl-idejn) u kiseb l-ewwel wazari.
Wara li għaxar sekondi wara, Mihaylov ipprova jattakk b’uchi mata (teknika fuq il-koxxa ta’ ġewwa). Saywell kien veloċi biżżejjed biex joħroġ minnu, attakka b’seo otoshi fuq ix-xellug u niżżel lil Mihaylov fuq daharu. Ir-referee Franċiż Olivier Des Roses sejjaħ Ippon u b’hekk Saywell rebaħ l-ewwel 120 punt fil-klassifika dinjija fi 48 sekonda.
Il-polza ta’ Isaac Bezzina kienet aktar diffiċli. Hu tela’ kontra l-avversarju mill-Montenegro Danilo Pantic, l-istess judoka li kien lagħab kontrih fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Mejju li għadda.
Hu kellu kontroll tajjeb fil-bidu iżda fl-aħħar tal-ewwel minuti rċieva l-ewwel shido (penalità) għal attakk falz. Ftit sekondi wara, Bezzina pprova makikomi iżda ma kienx suċċess. Bezzina pprova xi attakki oħra iżda spiċċa biex ħareġ barra mit-tapit u rċieva t-tieni shido tiegħu. Ftit sekondi wara, Bezzina kien maħsud u nxteħet għal Ippon. Hu baqa’ f’Pariġi għal kamp ta’ taħriġ. Iż-żewġ judokas jerġgħu jkunu fl-azzjoni f’Dűsseldorf il-ġimgħa d-dieħla, għat-tieni Grand Slam tas-sena.
//= $special ?>