Lokali

AĠĠORNATA: Is-Sezzjoni tat-Traffiku temporanjament magħluqa; numru ta’ uffiċjali fil-lock-up

Mhux eskluż li hemm involuti uffiċjali li nġiebu lura fil-Korp fl-aħħar snin

Wara l-iskandlu li feġġ dwar ħlasijiet ta’ overtime għall-Pulizija tat-Traffiku, Net News hu infurmat li hemm ħafna intoppi biex is-sezzjoni tat-Traffiku tkompli tiffunzjona. Sorsi tagħna qalulna li x-xogħol f’din is-sezzjoni twaqqaf kompletament.

Net News jista’ jikkonferma wkoll li 35 pulizija jinsabu arrestati u bħalissa qed jinżammu fil-lock-up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana. Fost dawn il-35 arrestati hemm uffiċjali li ġew reinstated mill-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar seba’ snin.

L-istess sors żvela magħna li wieħed minn dawk reinstated inqabad għax fis-sigħat tal-overtime kiteb li għamel xogħol bil-mutur, meta fir-realtà dan m’għandux liċenzja li jista’ jsuq il-mutur.

Il-pulizija li jinsabu arrestati qed jiġu investigati mill-Uffiċċju tal-Internal Affairs, u mhux eskluż li uħud minnhom jitressqu l-Qorti għada.  

Dawn il-pulizija qed jiġu investigati dwar allegazzjonijiet serji ta’ abbuż fis-sigħat tax-xogħol minn Pulizija mill-istess sezzjoni tat-traffiku

Din l-aħbar ġiet konfermata anki permezz ta’ stqarrija mill-Korp tal-Pulizija. Kollox jindika li dan l-abbuż ilu għaddej ix-xhur, u li kollox inkixef wara li tkellem whistleblower u kixef ħlasijiet ta’ overtime għal xogħol li qatt ma sar.