Lokali

Srieken misruqa fi Franza jinstabu l-Marsa

Il-Pulizija Maltija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali arrestat Malti b’rabta ma’ serqa ta’ numru ta’ srieken; liema serqa seħħet fi Franza. Dawn is-srieken uħud minnhom instabu l-Marsa.

Kollox beda meta l-Pulizija tan-Normandija, ftit tax-xhur ilu talbet l-assistenza tal-Pulizija minn diversi pajjiżi Ewropew, fosthom il-Pulizija Maltija, permezz ta’ European Investigation Order. L-għajnuna ntalbet wara serqa li ġiet irrapportata xi snin ilu ta’ srieken, li jiswew l-eluf kbar ta’ ewro.

Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija Maltija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, ġie konfermat li uħud mis-srieken setgħu kienu f’xi proprjetajiet f’pajjiżna.

Wara jiem ta’ osservazzjonijiet, fl-aħħar sigħat, il-Pulizija Maltija wettqet operazzjoni fil-Marsa, u hawnhekk instabu uħud mis-srieken li allegatament kienu nsterqu minn Franza.

B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija żammet taħt arrest raġel Malti. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom attivi.