Lokali Qorti

Wara li talab qassis jgħinu seraqlu l-karozza u spiċċa ħabat biha

Raġel ‘homeless’ ta’ 26 sena bi problema akuta ta’ droga ammetta mal-Pulizija li daħal fi Knisja f’Ħaż-Żabbar u talab karità qassis li kien qed jipprepara għall-quddiema, u hekk kif dan kien se jagħtih għaxar ewro, ħadlu ċ-ċwievet tal-karozza ħarab bih u spiċċa biex ħabat biha fil-Marsa.

Dylan Degiorgio ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li fil-5 ta’ Frar li għadda daħal fil-Knisja tas-Salib u talab lill-qassis xi ħaġa tal-flus għax ma kellux x’jiekol u wara li ħarab bil-karozza ħaba biha ma’ karozza oħra misjuqa minn mara.

Il-karozza, li nstabet Raħal Ġdid spiċċat b’daqqa żgħira fil-bieba filwaqt li Degiorgio kien arrestat nhar it-Tnejn waqt li kien Bormla. L-Ispettur Lydon Zammit qal li l-persuna nqabdet wara identifikazzjoni mogħtija mill-vittma u minn filmati tas-CCTV li kien jinsabu maġenb il-Knisja fejn fiha juru lill-akkużat jaħrab bil-karozza.

Il-mara nvoluta fl-inċident tat-traffiku ħadet ukoll ritratt ta’ Degiorgio, li meta ħabat magħha, dan qalilha li jismu Manwel Cuschieri. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Victor Bugeja qal li Degiorgio ma kienx se jammetti mill-ewwel iżda kien se jammetti dalwaqt. Huwa talab lill-Qorti biex tagħmel rakkomandazzjoni għal Degiorgio biex dan jingħata l-kura għall-vizzju kontra d-droga.

Degiorgio imbikkem qal lill-Qorti li huwa mhux problema għandu, iżda huwa żagħżugħ marid u għandu bżonn l-għajnuna. Qal li meta kien il-ħabs dejjem mexa sew u wara sentejn li skonta sentenza, flok il-jum tal-ħelsien tiegħu kienet ġurnata ta’ ħajtu, spiċċa f’aktar inkwiet għax ma kellux saqaf fuq rasu u lanqas x’jiekol.

Qal li wara li kien għeleb il-vizzju tad-droga għax li żmien reġa’ waqa’ u talab lill-Qorti li hu kien lest imur l-ħabs xorta waħda imma jagħmel programm u jekk huwa possibbli jintbagaħat fis-sala forensika tal-isptar Monte Carmeli. Il-Maġistrat Lia qalet li fil-ħabs huwa għandu jsib l-għajnuna neċċessarja biex jibda t-triq it-tajba.

Ikkummenta