Formula 1 Sport

Żvelata l-karozza SF1000 ta’ Ferrari għal dan l-istaġun

(Ritratt: EPA)

Ferrari żvelaw il-karozza l-ġdida tagħhom SF1000 għal dan l-istaġun bit-tama li twassal biex it-tim Taljan jerġa’ jikseb l-unuri wara nixfa twila ta’ suċċessi. L-isem tal-karozza hi referenza dwar il-fatt li f’dan l-istaġun Ferrari se jilħqu t-tragward tal-1,000 Grand Prix. Huma saħqu li l-karozza għandha kunċetti differenti meta mqabbla mal-karozza SF90 tas-sena l-oħra. “Tidher li hi simili mis-sena l-oħra imma emmnuni, hi kompletament differenti,” qal il-Kap tat-tim Mattia Binotto.

Binotto se jibda t-tieni staġun fit-tmexxija tat-tim u insista li għandhom il-persuni ġusti biex itemmu d-dominju ta’ Mercedes li saħansitra qabeż l-era ta’ Michael Schumacher bejn l-2000 u l-2005. L-aħħar darba li Ferrari rebħu l-Kampjonat tal-Kostrutturi kien fl-2008 filwaqt li Kimi Raikkonen hu l-aħħar sewwieq li rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja fl-2007. Ferrari spiċċaw fit-tieni post wara Mercedes fl-aħħar tliet staġuni iżda l-preparazzjoni fl-isfida tagħhom fl-2017 u fl-2018 ma kinitx qawwija daqs is-sena l-oħra. Madankollu huma spiċċaw biss kisbu tliet rebħiet kontra l-15-il rebħa ta’ Mercedes.

It-tim se jerġa’ jkun magħmul minn Sebastian Vettel u Charles Leclerc. Il-Ġermaniż qal li l-akbar differenza fil-karozza hi fuq in-naħa ta’ wara. Vettel li hu erba’ rebbiet tal-kampjonat tal-Formula 1, se jibda l-istaġun mingħajr ma jaf jekk dan hux se jkun l-aħħar staġun mat-tim, hekk kif il-kuntratt jiskadi din is-sena. Leclerc se jibda t-tieni staġun tiegħu, bir-riżultati tiegħu s-sena l-oħra wasslu biex ġedded il-kuntratt sal-2024. “Se naffaċċja t-tim ftit differenti mis-sena l-oħra għaliex naf it-tim u xi ftit jew anqas il-karozza.”

It-tnedija tal-karozza saret fit-Teatru Romolo Valli f’Reggio Emilia, bi spettaklu teatrali li nkluda kunċert klassiku bl-orkestra kif ukoll bil-parteċipazzjoni tad-DJ Benny Benassi. Għada jsiru t-tnedijiet tal-karozza ta’ Red Bull u Renault, il-Ħamis ikun imiss lil McLaren u l-Ġimgħa jiżvelaw il-karozza b’mod uffiċjali Mercedes u AlphaTauri. L-ewwel ġurnata ta’ testijiet se ssir fid-19 ta’ Frar f’Katalunja.