Lokali

Arrestat Salvatore Nicitra – akkużat b’5 omiċidji u li ħasel flus il-mafja grazzi għal kumpanija Maltija

Fl-Italja ġie arrestat l-eks kap tal-Banda della Magliana, Salvatore Nicitra, akkużat li mexxa’ kumpaniji tal-gaming bl-iskop li jiffinanzja lill-mafja.

Fost il-kumpaniji li kien juża Nicitra hemm Potterbet, li sa riċenti kienet irreġistrata taħt l-isem ta Potter MRC Gaming Limited u stabbilita fi Psaila Street, f’Birkirkara.

Potterbet hi waħda minn ħames kumpaniji li kienu ħallew pajjiżna fl-2018, wara li investigazzjoni mill-Awtorita Maltija tal-Gaming sabet diversi rregolaritajiet u rabtiet mal-kriminalita organizzata.

Il-kumpanija Potterbet kienet waħda minn tliet kumpaniji li b’mod volontarju ċedew il-liċenzja tagħhom.

L-investigazzjonijiet fl-Italja sabu li Nicitra kien imexxi xibka ta’ logħob illegali mhux biss bil-logħob tal-flus onlajn imma wkoll sistema ta’ lottu mhux rġistrata li kienet offruta wkoll lis-sidien ta’ bars, swali tal-logħob u ħwienet f’Ruma.

Nicitra seta’ jikkummerċjalizza l-logħob onlajn fl-Italja grazzi għal-liċenzja li l-kumpanija Potterbet kisbet f’Malta.

Flimkien ma’ Nicitra, fl-Italja u wkoll fl-Awstrija ġew arrestati wkoll 37 persuna oħra li qed ikunu akkużati b’involviment f’din ix-xibka ta’ llegalitajiet li permezz tagħha kienet tiġi ffinanzjata l-ħidma tal-mafja.

Apparti dawn l-akkużi, Nicitra jinsab akkużat ukoll b’involviment f’ħames omiċidji meta kien imexxi l-grupp mafjuż Banda della Magliana lura fis-snin tmenin. Jidher li dawn l-omiċidji kienu parti minn gwerra bejn il-klann tal-mafja, li wasslu biex Nicitra jkompli jikseb il-poter.

L-involviment tiegħu f’din il-gwerra bejn il-mafja kienet wasslet biex fl-1993, ibnu Domenico ta’ 11-il sena u zijuh inħatfu mir-rivali bl-iġsma tagħhom li baqgħu ma nstabux.