Ambjent Lokali Parlament Transport

Ian Borg jammetti li l-kunsilli qatt ma setgħu ngħataw fondi kbar għat-toroq

‘L-ambjentalisti għandhom dritt jipprotestaw billi jintrabtu ma’ siġra’

Waqt id-dibatitu dwar il-liġi li temenda l-att dwar Infrastruttura Malta, il-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, ammetta li Infrastruttura Malta twaqqfet għaliex il-Kunsilli Lokali, f’dan il-każ kien qiegħed juża lill-Kunsill Lokali tal-Mosta bħala tixbiha, qatt ma kienu se jingħataw l-fondi biex jagħmlu xi proġett ta’ toroq bħalma qed isiru mill-Aġenzija fil-Mosta.

Il-Ministru Laburista saħaq kif l-ambjentalisti għandhom dritt juru l-għadab tagħhom għat-tqaċċit tas-siġar minn Infrastruttura Malta billi jintrabtu ma’ xi siġra. Borg kompla jgħid li l-ambjentalisti jagħmlu ħafna għaġeb meta jattribwixxu t-twessiegħ tat-toroq mal-ħsara lill-ekosistema sabiex isalvaw xi xitla l-aktar. Ilmenta li l-midja tagħmel ħafna għaġeb għax titqaċċat xi siġra u imbagħad ma ssemmi xejn meta jiżirgħu xi siġra jew tnejn. Huwa qal li t-toroq rurali qed isiru, u enfasizza li qed isiru b’fondi Ewropej li kiseb Gvern Nazzjonalista, sabiex il-bdiewa u r-raħħala jgħaddu minn fuq il-konkos flok fuq it-tajn.

Li kieku tiġi mgħarbla, Ian Borg qal li Infrastruttura Malta tgħaddi mill-eżami b’marki għoljin ħafna. Iżda fl-istess nifs, il-Ministru tat-Trasport iġġustifika l-aġir tal-aġenzija, meta tagħti bidu għax-xogħlijiet qabel joħorġu l-permessi kollha u jinstemgħu l-appelli kollha, għaliex ħadet il-fama li tasal għar-riżultati li jkun hemm bżonn irrispettivament mill-ostakli li jkollha kawża taż-żmien qasir li għandha biex twettaq ix-xogħlijiet.

Huwa qal li din l-attitudni se tkun rilfessa fil-mod kif se jmexxi l-Ministeru tiegħu b’rabta mal-proġett tal-mina, għaliex minflokk attribwixxa dak li seħħ it-Tnejn f’Għawdex, b’serbut twil ta’ karozzi jistennew għall-vapur li jtul sal-istadium t’Għawdex fix-Xewkija, man-nuqqas ta’ pjanar mill-Ministeru t’Għawdex, attribwixxa li seħħ mal-urġenza tal-proġett.

Fi tmiem id-dibatitu parlamentari, il-Ministru tat-Trasport, Ian Borg, skarta l-proposti u l-kritika li saret mill-Oppożizzjoni hekk kif stqarr li ftit li xejn se jieħu miegħu mill-kontribut li tat l-Oppożizzjoni fil-Parlament. Filwaqt li evita jwieġeb il-mistoqsijiet li poġġielu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, il-Whip Robert Cutajar, fid-dibatitu, fl-isfond ta’ akkużi infondanti fil-konfront tiegħu saħaq li se jkompli jgħaddas rasu fid-direzzjoni li jagħti lill-Infrastruttura Malta aktar ma jara l-Oppożizzjoni tinkedd.