Lokali

“Id-dritt li tiskonnettja hu essenzjali biex nissalvagwardjaw il-ħaddiema” – Casa

“Id-dritt tal-ħaddiema li jiskonnettjaw għandu jingħata importanza fil-proċess tar-reviżjoni li se tagħmel il-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol. Dan hu essenzjali biex id-drittijiet tal-ħaddiema ikunu salvagwardati fid-dinja tal-lum, fejn it-teknoloġija qed tbiddel il-mod ta’ kif naħdmu, nistudjaw u nitħarrġu.” Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal dan waqt li kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew f’dibattitu dwar ‘Ewropa Soċjali f’Dinja Diġitali’. Id-dritt li tiskonnettja hu kunċett modern li permezz tiegħu, impjegati ma jkunux mistennija jwieġbu l-imejls u jirrispondu telefonati marbuta max-xogħol, meta jkunu d-dar u f’ħinijiet li m’humiex tax-xogħol.

Fid-diskors tiegħu, l-MEP Casa, li hu Kwestur tal-Parlament Ewropew, irrefera għad-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, li hu nnegozzja b’suċċess għan-nom tal-Parlament Ewropew. “Introduċejna d-dritt li ħaddiema jitolbu arranġamenti flessibbli fuq il-post tax-xogħol. Dan, flimkien ma’ miżuri oħra, se jikkontribwixxu biex ikun assigurat li n-nies ikunu jistgħu jibbilanċjaw aħjar bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u dawk tal-familja.”

Id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, li ġiet iffirmata f’liġi Ewropea f’Ġunju li għadda, se tiffaċilità l-proċess biex aktar nisa jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol, biex jitnaqqas il-qgħad, kif ukoll id-differenzi fil-pagi u l-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa.

Casa, li hu membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, insista li meta jkunu qed jiġu negozjati liġijiet ġodda, l-istituzzjonijiet għandhom jagħtu attenzjoni għal riskji godda li jistgħu jirriżultaw minn meta tkun il-ħin kollu online kif ukoll li faċilment tista’ tiġi ikkuntattjat. “It-teknoloġija għamlitilna ħajjitna ferm aktar faċli, imma rridu nassiguraw li teknoloġija ġdida u moderna twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, mhux agħar. Irridu nkunu vigilanti biex nidentifikaw u nindirizzaw dawn it-theddid għall-ħaddiema,” temm jgħid David Casa.