Lokali Parlament

Il-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA ma jaf b’xejn dwar il-kuntratt ta’ €80,000 lil Konrad Mizzi mill-istess Awtorità

Il-Kontrollur Finanzjarju tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) Brian Azzopardi ddikjara fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li ma kien jaf b’xejn u ma kienx involut fil-kuntratt ta’ €80,000 li l-istess Awtorità għamlet mal-ex Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi wara li dan irriżenja minn ministru.

Is-seduta tal-PAC iddiskutiet il-Kontijiet Finanzjarji tal-MTA għall-2018/19 u fiha ċ-Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni talbet li jitla’ jixhed Brian Azzopardi, Kontollur Finanzjaru tal-MTA għal dawn l-aħħar ħames snin.

Qabel ix-xhieda ta’ Azzopardi, il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li fil-laqgħa preċedenti kienet sospiża minħabba li kien intalab ruling dwar il-kuntratt tal-ex ministru Konrad Mizzi mill-MTA. Ir-ruling tal-Ispeaker ingħata fejn qal li l-kuntratt ma kellux ikun diskuss għaliex qattma tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra u li għalhekk kellu jsir rapport lill-Awditur Ġenerali biex wara l-PAC jkun jista’ jiddiskutieh. Hu qal li l-Gvern irid jiddiskuti l-estimi tal-MTA għall-2018/19 u huma lesti jiddiskutu l-estmi fir-rispett tar-ruling tal-Ispeaker.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li d-diskussjoni dwar l-estimi se ssir għaliex hemm numru ta’ mistoqsijiet li jridu jsiru u għalhekk kull mistoqsija leġittima tista’ ssir. Id-deputati għandhom responsabbiltà lejn il-poplu dwar dak li nefaq jew kien se jintefaq mis-€87miljun li l-gvern għadda lill-MTA. Kien hemm qabża kbira kull sena fl-aħħar snin f’din in-nefqa.

Il-gvern donnu qed jagħmel twissija u din tikkonvinċini kemm il-gvern jibża’ jiddiskuti l-kuntratt ta’ €80,000 lill-ex Ministru Konrad Mizzi, sostna d-deputat Nazzjonalista Chris Said.

Meta xehed Brian Azzopardi xehed dwar il-mod kif li fl-2019 hemm €10 miljuni minn dħul li tiġġenera l-MTA u l-għotja tal-gvern hi madwar €87 miljun. Hu tkellem dwar id-dħul mil-liċenzji u qal li mis-settur tat-turiżmu qed ikunu ġenerata €3 miljuni, li €1.8 minnhom ġejjin mil-liċenzji. Dwar iż-żieda ta’ €30 miljun mill-gvern lill-MTA, Brian Azzopardi qal li waħda mir-raġunijiet hi l-konnettività tal-MIA li żdiedet għal 130 ajruport fl-2019 minn 85 fl-2018.

Brian Azzopardi qal li fuq ir-rotot ġodda kien hemm żieda minn €37.5 miljun għal €52 miljun li ġejjin mill-għotja tal-gvern. Id-dħul mt-turiżmu rdoppja għal €2.2 biljun, propja meta kienu introdotti l-low cost.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami fakkar li l-PL kien kontra l-introduzzjoni tal-low cost filwaqt li d-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li dan jidher li hu eżerċizzju biex il-fondi tal-gvern jitpoġġew fl-Air Malta biex din tidher li hi sostenibbli. Chris Said staqsa fejn marru l-kważi €90 miljun fuq sentejn u għand liema linji tal-ajru marru. Brian Azzopardi qal li l-lista ta’ 20 linja tal-ajru hi informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li m’għandux ikun hemm problema li jkun konfermat terz tal-passiġġieri ġew mal-Air Malta u kemm ġew fuq linji tal-ajru oħra.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-budget għall-iżvilupp tar-rotot għall-2018 kien €27 miljun iżda ntefqu €37 miljun u staqsa għaliex sar dan.

Brian Azzopardi qal li jrid ikun hemm flessibbiltà u għaliex jinqala’ l-bżonn. Il-qabża kienet minn 2.5 miljun għal 2.7 miljun; żieda ta’ 200,000 b’nefqa ta’ €10 miljuni. Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li dan ifisser li l-pajjiż nefaq €10 miljuni iktar minn dan ippjanat biex kien hemm żieda ta’ 200,000 turist.

Chris Said qal li l-vot tal-international marketing żdied b’€4 miljuni minn €7 miljun għal €13-il miljun f’sena waħda u staqsa kif dan sar. Brain Azzopardi sostna li n-nefqa kienet ta’ €20 miljun minħabba d-dinamika tal-industrija. Chris Said staqsa fejn jaqa’ l-kuntratt tal-Manchester Utd. u kemm dan sewa lill-MTA.

Id-deputati tal-Gvern oġġezzjonaw għal din il-mistoqsija u nsistew li Brian Azzopardi għandu jivverifika qabel iwieġeb.

Brian Azzopardi qal li bħala Kontrollur Finanzjarju tal-MTA ma kienx involut fit-tratattivi mal-Manchester Utd u sostna li ma jafx kif dan il-kuntratt sar għaliex fuqu hemm struttura oħra. Hu qal li ma jkun involut fl-ebda ftehim lanqas dwar ir-rotot għalkemm kien involut fil-ħlasijiet. S’issa tħallsu €1.1 miljun fl-ewwel sitt xhur. L-impenji għal din is-sena jkunu l-istess, spjega Brian Azzopardi, li kompla li hu m’għandux u qatt ma ra kopja tal-kuntratt. Hu jsir jaf bil-ħlasijiet meta tasal l-invoice iżda l-pagament joħroġ mill-Finanzi tal-MTA.

Fuq mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina Brian Azzopardi qal li d-Direttur hu responsabbli mill-kuntratt u sostna li jekk ma jkollux kopja tal-ftehim hu ma jistax jitratta l-validità tal-ħlas. Hu sostna li f’dan il-każ ma saritx verifika dwar il-ħlasijiet għaliex ma ħassx li jbiddel il-proċedura. Brian Azzopardi qal li jsir iċċekkjar fuq il-kuntratti l-oħrajn u spjega li l-kuntratti jinsabu fl-Uffiċċju taċ-Chairman. Jekk iċ-Chairman itini l-awtorità ma nsib l-ebda diffikultà li nippreżentahom lill-MTA, sostna Brian Azzopardi, li kompla li l-kontijiet dejjem kienu awditjati u qatt ma kien hemm problemi.

Il-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA sostna li ma kienx involut f’xi studju dwar il-vijabbiltà tal-kuntratt tal-Manchester Utd. Hu qal ma kienx preżenti jew konsultat li se jsir ftehim mal-Manchester Utd u sar jaf internament dwar dan il-ftehim.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa dwar il-kuntratt ta’ €80,000 tal-MTA lil Konrad Mizzi bid-deputati tal-gvern jopponu għal dawn il-mistoqsijiet. Beppe Fenech Adami qal li l-Ispeaker stabilixxa prinċipji fir-ruling tiegħu iżda l-PAC jista’ jeżamina l-ispiża tal-MTA.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield talab ruling mill-Ispeaker biex ikun speċifikat jekk ir-ruling jistax ikun injorat. Hu qal li kien se jitlob li l-laqgħa tkun sospiża biex jittieħed vot u jintalab ruling ieħor mill-Ispeaker.

Il-Kontrollur Finanzjarju tal-MTA qal li hu ma jaf xejn fuq il-kuntratt tal-MTA ma’ Konrad Mizzi u hu ma raħx. Brian Azzopardi wieġeb ukoll li ma jafx li l-MTA għandha kuntratt tat-tip ta’ Konrad Mizzi iżda mhux ta’ dak it-tip.

Beppe Fenech Adami qal li l-gvern jibqa’ jiddefendu lil Konrad Mizzi li hu mazzra ma’ għonq il-gvern.

Brian Azzopardi qal li mhux involut fil-proċess ta’ kif jingħażel konsulent għalkemm il-bord kun involut. Hu sostna li ma jafx min kien involut bl-ebda mod fil-kuntratt ta’ Konrad Mizzi. Iċ-Chairman informani b’dan il-kuntratt dakinhar li ħarġet fil-gazzetti, sostna Brian Azzopardi, li qal li ma tkellmu qatt fuq dan il-kuntratt.

Glenn Bedingfield reġa’ oġġezzjona għal dawn il-mistoqsijiet u sussegwentament talab ruling tal-iSpeaker biex jirregola l-attitudni tal-membri tal-Oppożizzjoni dwar il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi.

Id-deputati Nazzjonalisti, Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami, saħqu li l-mistoqsijiet saru għaliex il-kuntratt imur lil ħinn mill-miżata mħallsa u kien jinkludi aspetti finanzjarji bħall-użu tal-mobajl, il-ħlas ta’ insurance u karozza biex iddawwar lill-eks Ministru. Dan bħalma jsir fuq kuntratti oħra bħal dak tal-Manchester United u FairyLand fid-daħla tal-Belt fi żmien il-Milied.

Anġlu Farrugia informa lill-Kamra li se jagħti ruling wara li jkun sema’ t-traskrizzjonijiet tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.