Internazzjonali

Il-Papa jirrifjuta l-ordinazzjoni ta’ qassisin miżżewġa

Il-Papa Franġisku ma aċċettax l-ordinazzjoni ta’ irġiel miżżewġa bħala qassisin fir-reġjun tal-Amażonja u wara li dan it-tip ta’ ordinazzjoni kien issemma bħala mezz biex jindirizza n-nuqqas ta’ qassisin Kattoliċi. L-Isqfijiet, is-sena l-oħra, kienu appoġġaw din il-miżura li, madankollu, riedet bilfors l-approvazzjoni tal-Papa biex tkun implimentata.

Il-qassisin Kattoliċi huma rikjesti li jobdu r-regola taċ-ċelibat ladarba jkunu ordnati – ħlief għall-każi fejn il-qassisin Anglikani jikkonvertu għall-Kattoliċiżmu. Il-Knisja qed tkompli tinsisti li ċ-ċelibat irid jinżamm bħala ‘dedika tal-ħajja tal-individwu lejn Alla’.

Stqarrija mill-Vatikan espremiet id-dikjarazzjoni tal-Papa ‘li l-Amażonja qed tisfida lill-Knisja biex tegħleb il-perspettivi limitati u ma tikkuntentax b’soluzzjonijiet li jindirizzaw biss parti tas-sitwazzjoni’. Il-Papa ħeġġeġ biex l-Isqfijiet ‘jippromwovu t-talb ħalli tikber ir-rieda għall-vokazzjonijiet (għall-ħajja ta’ qassis)’ u biex l-Isqfijiet ‘jinkoraġġixxu dawk li jridu jsiru missjunarji biex jikkonċentraw il-ħidma tagħhom fl-Amażonja’.