Lokali

“Il-prijorità tiegħi se tkun l-għaqda” – Francis Zammit Dimech

Il-prijorità tiegħi se tkun l-għaqda, l-involviment taż-żgħażagħ, it-tiġdid u r-riformi kif ukoll li flimkien naħdmu bħala front magħqud biex nerġgħu nagħtu lil pajjiżna Oppożizzjoni b’saħħitha.

Dan kien il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech waqt żjara li ghamel lill-haddiema ta’ Media.Link Communication.

Francis Zammit Dimech sab il-ħin jiddiskuti mal-impjegati fid-diversi Dipartimenti tagħhom, bl-għan li jħoss aktar mill-qrib kif din il-ħidma tissarraf f’servizz għat-telespettaturi, is-semmiegħa u l-qarrejja tal-media tal-PN.

Huwa saħaq li l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista dejjem kienu tarka tal-verità. Id-dedikazzjoni, l-impenn u l-kuraġġ tal-ħaddiema dejjem kienu kruċjali fl-iktar avvenimenti importanti f’pajjiżna.

Filwaqt li rringrazzja lill-Eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli li temm il-kariga tiegħu ftit tal-ġranet ilu, għall-ħidma kbira tiegħu f’dawn l-aħħar snin, huwa saħaq li issa flimkien irridu nkomplu naħdmu biex il-Partit Nazzjonalista jkun Gvern alternattiv.

Is-Segretarju Ġenerali qali li pajjiżna jixraqlu governanza ferm aħjar u istituzzjonijiet li verament jaħdmu. Dan jista’ joffrih biss il-PN jekk jagħraf jimxi ‘l quddiem.

Intant fi Tweet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia awgura lil Francis Zammit Dimech għall-kariga ġdida tiegħu filwaqt li qal li l-lealtà tiegħu lejn il-partit żgur se tgħin biex ikun hawn iktar unità fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.