L-Imħallef Mark Chetcuti f’sentenza li huwa ta ordna d-distruzzjoni ta’ kważi 100,000 tubu ta’ toothpaste li kienu ppakkjati f’500 kaxxa minħabba li kienu foloz u mhux tal-marka oriġinali.
Il-Qorti ddeċidiet din is-sentenza wara li dawn kienu ġew interċettati f’Settembru li għadda mid-dwana. Fil-Qorti rriżulta li kien hemm 96,960 tubu mimlijin toothpaste li kienu jixbħu u identiċi għal dawk li tipproduċi l-kumpanija Aquafresh.
Minn rapport li sar minn rappreżentant tal-kumpanija Glaxosmithkline, li hija l-kumpanija li hija sid u għandha dritt ta’propjetà fuq it-toothpaste Aquafresh, liema prodotti kienu f’Malta, u huma identiċi, fejn anke il-logo huwa prattikament l-istess, iżda minn eżamijiet li saru rriżulta li dawn kienu foloz.
Mill-provi rriżulta kif 505 kaxxa kienu ġewwa kontejner li waslu Malta fuq is-CMA CGM Centaurus, u li daħlu fil-Malta Freeport fl-24 ta’ Awwissu. Waqt l-ispezzjonijiet li saru minn uffiċjali tad-dwana, dawn mill-ewwel daħlilhom suspett li ma kienux oriġinali.
Fit-2 ta’ Settembru, d-dwana Maltija nfurmat lil Glaxosmithkline Consumer Healthcare (UK) IP Limited u lil Smithkline Beecham Limited, li huma l-propjetarji ta’ dan il-prodott, fuq is-suspetti, u mill-ewwel dawn il-kumpaniji bagħtu l-esperti tagħhom f’Malta biex jittestjaw il-prodotti.
Huma ddikjaraw li minkejja li dawn it-tubi kellhom il-logo tal-Aquafresh ipprintjata, affarijiet oħra li huma mmarkati fuq it-tubi li huma ġenwini u li s-soltu jkunu mat-tubu, kienu nieqsa.
Skont id-dokumenti, l-kontejner inkwistjoni b’dawn il-prodotti kien destinat lejn kumpanija bbażata fit-Tuneżija. L-Imħallef Chetcuti qal fis-sentenza tiegħu li t-toothpaste li kellu fuqu logos identiċi ma’ dawk tal-prodott Aquafresh kienu qegħdin jiksru d-dritt ta’ propjetà li huma esklussivament taż-żewġ kumpaniji barranin inkwistjoni u għalhekk ġie ordnat li dawn jiġu distrutti b’mod immedjat.
Il-ħlasijiet tad-distruzzjoni jridu jitħallsu wkoll dawk li għamlu l-konsenja, u jrid ukoll isir ħlas ieħor relatat, fosthom dak ta’ spezzjoni tal-prodott. Il-Qorti qalet li prodotti mhux oriġinali jintużaw biex iqarrqu bil-konsumatur, li jaħsbu li qed jixtru prodott tal-għażla tagħhom.
//= $special ?>