Lokali

Infrastructure Malta kkundannata mill-Qorti tal-Appell

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kkundannat lil Infrastructure Malta li baqgħet għaddejja bil-proġett tas-Central Link, minkejja li kien hemm appell minn diversi residenti u għaqdiet mhux governattivi.

Ikkonferma dan il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, l-Inġinier Frederick Azzopardi, waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar dan il-proġett.

Fl-isfond ta’ dawn il-kummenti, il-makkinarju kien għadu għaddej minn fuq il-ħamrija, bil-gafef iqaċċtu x-xtieli ….u s-sidien tal-għelieqi jħarsu lejhom bla saħħa ta’ xejn.

Minkejja dan, fi stqarrija, grupp ta’ 18-il għaqda u assoċjazzjonijiet tar-residenti esprimew diżappunt li l-proġett se jkompli xorta waħda wara li ġie miċħud l-appell tagħhom.

Il-Qorti enfasizzat li proġetti simili għandhom jiġu trattati b’iktar sensittività u li l-kundizzjonijiet tal-permess iridu jiġu osservati. Dan apparti appell biex l-awtoritajiet regolatorji josservaw b’mod strett kull fażi tal-proġett.

L-NGOs iddikjaraw li huma issa se jħarsu lejn għażliet legali oħra li fadlilhom biex jipproteġu l-ambjent u lir-residenti tal-inħawi.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Ian Borg qal li dawn jistgħu jagħmlu li jridu, imma l-proġett se jibqa’ għaddej.