Il-Perit William Lewis, is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, inħatar mill-Ministeru għal Għawdex bħala l-perit tal-proġett tat-twessigħ tat-triq ta’ Marsalforn u t-triq li se jgħaddu minn ġor-raba’ li se tgħaqqad Triq Ġorġ Pisani, aktar ‘l isfel mill-Kumpless Sportiv t’Għawdex, ma’ Triq Patri Ġjaċintu Camenzuli, it-triq ta’ faċċata tal-Knisja tal-Kapuċċini fir-Rabat Għawdex.
Minn mistoqsija parlamentari tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said, dwar dan il-proġett. Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri ħabbar li se jinqalgħu aktar minn 300 arbuxell u sġajriet filwaqt li se jinqaċċtu ftit anqas minn 180 siġra, b’10 biss se jiġu rilokat. Dan bl-iskuża li ħafna mis-siġar mhumiex endemiċi. Fl-istess waqt, għadu mhux magħruf kemm se tintilef raba’ minn dan il-proġett.
Il-Ministru Laburista ma kienx kapaċi jwieġeb għaliex se jkun hemm 2% biss ta’ kofinanzjament b’fondi Ewropej meta normalment il-kofinanzjament kapaċi jitla’ għal 50%, jekk mhux 70%. Lanqas kien kapaċi jwieġeb ukoll jekk il-Perit William Lewis ġiex ingaġġat b’direct order jew b’tender, filwaqt li talab lil Chris Said jindirizzawlu dawn il-mistoqsijiet bil-miktub.
Bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti tal-proġett biex fi kliemu, immedjatament wara jibda x-xogħol li skontu se jieħu 9 xhur u nofs. Dan wara li s-sottomissjonijiet għalqu f’Jannar li għadda.
//= $special ?>