Lokali

Jitilgħu għal 37 il-Pulizija arrestati – 5 jingħataw il-police bail, aċċettata riżenja ta’ Supretendent

Il-Pulizija kkonfermat li l-uffiċjali tal-Pulizija li ġew arrestati fl-aħħar sigħat telgħu għal 37. Ħamsa minn dawn ingħataw il-Police Bail.

Il-Korp tal-Pulizija kkonferma wkoll li s-Supretendent inkarigat mit-Taqsima tat-Traffiku, Walter Spiteri, offra r-riżenja tiegħu u din ġiet aċċettata. Hu kien imexxi din is-sezzjoni tal-Korp, inkluż is-superviżjoni tax-xogħol ta’ kuljum tal-uffiċjali arrestati.

Sa issa għadu ma tressaq ħadd quddiem il-Qorti, bl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Hu mistenni li l-investigazzjoni tkompli tinfirex u l-ammont ta’ dawk arrestati, sospiżi mill-Korp jew li se jkunu interrogati se jkompli jiżdied.

F’konferma li dan l-iskandlu tefa’ lill-Korp fi kriżi, il-Pulizija ħabbret li talbet l-assistenza tal-LESA u transport Malta biex taqdi x-xogħol tagħha fit-toroq. Dan apparti li uffiċjali minn sezzjonijiet oħra qed jassistu fl-immaniġjar tat-traffiku bl-użu ta’ vetturi mmarkati.