Budget 2020 Kunsilli Lokali Lokali Parlament

Kunsilli Lokali bla saħħa, b’nuqqas ta’ fondi u injorati mill-aġenziji tal-Gvern

80 proposta fattibbli tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali skartati mill-Gvern

Fid-dibatitu parlamentari dwar l-abbozz li jaddotta l-liġi tal-estimi finanzjarji, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali, Robert Cutajar, fakkar kif ftit jiem qabel fil-Parlament kienu s-Sindki Laburisti li kkritikaw bl-aħrax l-arroganza li biha jiġu ttrattati mill-awtoritajiet u l-aġenzija tal-Gvern Laburista.

Id-deputat Nazzjonalista kompla jfakkar kif id-deċiżjonijiet li jieħdu dawn l-istess aġenziji u awtoritajiet jiskopru bihom minn fuq il-media u għalhekk talbu bil-ħniena għal aktar rispett, kollaborazzjoni u trasparenza minn dawn l-awtoritajiet. Il-karba tal-Kunsilli Lokali lill-Gvern hija li jingħataw aktar responsabbiltajiet billi l-Gvern iwettaq programm ta’ devoluzzjoni tal-poter lilhom.

Il-Partit Nazzjonalista, bil-kontra li jagħmel il-Partit Laburista fil-Gvern, qatt ma azzarda jindaħal f’ħidmet il-Kunsilli Lokali u jimponi interessi partiġġjani għaliex jemmen li ħadd daqs il-kunsilliera u s-Sindki ma huma konxji tal-polz tar-residenti.

Il-whip Nazzjonalista fakkar kif il-Gvern skarta ħafna mit-80 proposta fattibbli tal-Oppożizzjoni dwar il-kunsilli lokali li jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies, b’uħud mill-ideat diġà ġew attwati f’pajjiżi żgħar bħal Malta, fosthom Ċipru u l-Lussemburg.

Fost dawn il-proposti skartati kien hemm li l-allokkazzjoni diretta lill-Kunsilli Lokali tkun aktar sabiex jaħdmu b’mod awtonomu. Minflok, Robert Cutajar qal li fis-sena tar-riforma tal-Kunsilli Lokali, il-Gvern bagħat messaġġ ħażin billi naqqas l-allokazzjoni diretta b’€2 miljun għall-2019. Fl-istess waqt, minkejja li l-Gvern investa aktar fl-awtonomija tar-reġjuni, li waqqaf il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, b’aktar finanzjament, dan ġie għad-detriment tal-Kunsilli Lokali.

L-Oppożizzjoni appellat ukoll biex il-Gvern jalloka parti jew il-bed tax kollha lill-Kunsilli Lokali bħalma għandhom jiġu allokati frazzjoni mill-VAT iġġenerati fil-lokalitajiet lilhom. Minkejja li dawn il-proposti sabu l-qbil tas-Segretarju Parlamentari preċedenti għall-Kunsilli Lokali, Silvio Parnis, il-Ministeru tal-Finanzi waqqaf dawn il-proposti minħabba xi kwistjonijiet minuri.

Id-deputat Nazzjonalista appella lill-Gvern biex il-ħlasijiet tal-permessi għall-imwejjed u s-siġġijiet f’postijiet pubbliċi jitħallsu direttament lill-Kunsilli Lokali flok lill-entitajiet varji tal-Gvern sabiex il-poplu jkun ikkumpensat direttament tal-parkeġġi u l-ispazji miftuħa mċaħħda minnhom.

Robert Cutajar wera t-tħassib tiegħu għaż-żieda allarmanti fil-kriminalità f’Għawdex fl-2019 u appella lill-Gvern ħalli ma jitlifx il-ħin tiegħu biex jaddotta l-proposta tal-Oppożizzjoni tal-Pulizija fil-komunità fil-lokalitajiet kollha. Hawn fakkar kif is-sena komun rebaħ meta l-Gvern l-ewwel ivvota kontra din il-proposta tal-Oppożizzjoni u ħmistax wara kellu jibda jħaddimha fil-Mellieħa bħala proġett pilota li rnexxa.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni lmenta kif il-Kunsilli Lokali tneżżgħu minn kwalunkwe saħħa fl-infurzar fil-lokalitajiet bil-ħolqien tal-LESA mill-Gvern Laburista. Fejn qabel kienu jkunu l-Kunsilli Lokali li jiddeċiedu tant tajjeb fejn jassenjaw lill-uffiċjali tal-komunità sabiex jinfurzaw il-liġi, issa spiċċa kollox ċentralizzat. Hawn elenka kif huwa ta’ għajb li l-Ministru konċernat ilu ma jqiegħed il-kotba u l-kontijiet ta’ din l-aġenzija fuq il-mejda tal-Kamra minn tal-anqas 3 snin.

Fil-qasam soċjali, Robert Cutajar faħħar lill-Gvern talli addotta l-proposta tal-Oppożizzjoni sabiex isir studju dwar l-impatt soċjali fl-irħula sabiex il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jagħmlu pjan fit-tul li jindirizza l-problemi soċjali f’kull belt u raħal. Proposta oħra tal-Oppożizzjoni li addotta l-Gvern kienet dik li kunsillier lokali jkun assenjat il-portafoll tal-ħarsien tal-annimali sabiex b’attivitajiet u kampanji organizzati tkompli titkattar l-imħabba lejhom fl-irħula u jingħataw attenzjoni xierqa.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali temm jappella lill-Gvern u l-Ministri sabiex jitratta b’rispett xieraq lill-Kunsilli Lokali, bħalma jagħmel id-Dipartiment tat-Tindif fost l-oħrajn, billi jibagħtu messaġġ dirett lill-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteti rispettivi.