Bħala turija ta’ rieda tajba, il-UĦM Voice of the Workers, dalgħodu, issospendiet l-azzjonijiet industrijali tal-Environmental Health Officers.
L-azzjonijiet daħħlu fis-seħħ wara li l-Gvern kien ilu jkaxkar saqajh fir-rigward tal-Ftehim Settorali l-ġdid tal-istess professjoni. Apparti minn hekk, l-Gvern kien waqqaf id-dritt li dawn il-ħaddiema, wara l-ħin tax-xogħol tagħhom, jaħdmu part-time lura fl-2017. Filwaqt li l-UĦM kienet ħarġet bi proposti sabiex jinstab żblokk fuq iż-żewġ kwistjonijiet, il-Gvern naqas milli jwieġeb fuq dawn.
Intant, ilbieraħ saret laqgħa mal-Ministeru tas-Saħħa fejn ġiet diskussa t-triq ’il quddiem u b’sens ta’ rieda tajba, il-UĦM issospendiet l-azzjonijiet industrijali għall-ġimgħa u dan sabiex tagħti ċans lill-Gvern sabiex jikteb bil-miktub li lest jilqa’ deċiżjoni ta’ team tekniku magħmul miż-żewġ naħat sabiex jinstab żblokk rigward il-Part-Time.
Intant, jekk il-Gvern jonqos li jikteb bil-miktub ir-rieda tiegħu sa nhar it-Tlieta, 18 ta’ Frar 2020, l-azzjonijiet ser jissoktaw. Fost dawn l-azzjonijiet, dawn l-ispetturi mhux se jkunu qegħdin japprovaw l-ebda importazzjoni ta’ ikel, laħam jew ħxejjex li jistgħu jiġu kkunsmati. Għaldaqstant, din il-Union tispera li s-sens komun jirbaħ u li l-Gvern jibgħat ir-rieda tiegħu bil-miktub sa nhar it-Tlieta u mhux ikompli jkaxkar saqajh bħal ma għamel f’dawn l-aħħar xhur.
//= $special ?>