L-Imħallef irtirat Antonio Mizzi iddikkjara li ħadd qatt ma avviċinah jew kellmu dwar iż-żewġ talbiet għall-liberta proviżorja li saru mill-aħwa Degiorgio, illi huma akkuzati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, flimkien ma’ Vince Muscat.
L-eks Imħallef Antonio Mizzi, li sa sentejn ilu kien għadu jservi fil-bankijiet tal-Ġudikatura, kien ċaħad iż-żewġ talbiet għal bail li sarulu fis-7 ta’ Awwissu u fit-2 ta’ Ottubru tal-2018.
L-istqarrija ffirmata mill-avukat Stephen Tonna Lowell inħarġet wara li l-ġimgħa l-oħra fil-Qorti nstemgħu recordings li fihom feġġ l-isem tal-Imħallef irtirat Antonio Mizzi.
Melvin Theuma – il-middleman fil-każ tal-assassinju ta’ Caruana Galizia, qal li t-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet se tmur quddiem l-imħallef Antonio Mizzi – bl-isem tieghu jisemma’ b’mod ċar fir-recordings ta’ Theuma. L-imħallef Antonio Mizzi huwa r-raġel ta’ Marlene Mizzi, eks Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista. Wiehed irid ifakkar ukoll li wara x-xhieda ta’ Melvin Theuma, Marlene Mizzi ħarġet titlob li tiġi revokata l-maħfra Presidenzjali li ngħata l-middleman, u akkużatu li qed jigdeb.
Skont testimonjanza li diga’ harget fil-Qorti, l-imprenditur Yorgen Fenech qal lil Melvin Theuma li Keith Schembri mar ikellem lil Antonio Mizzi minħabba “ix-xiħ” – b’referenza diretta għal Joseph Muscat.
Antonio Mizzi kien ukoll l-istess persuna li kien tqabbad minn Muscat biex jifli r-rapport tal-Inkjesta Egrant.
//= $special ?>