Għawdex Lokali Parlament Qorti

L-informazzjoni dwar il-bini tal-Qorti l-ġdida t’Għawdex għadha qed tinġabar

Dan il-proġett kien imwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit Laburista lura fl-2013

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, ikkonferma li l-informazzjoni dwar il-proġett tal-bini tal-Qorti l-ġdida t’Għawdex għadha qed tinġabar u se jagħti l-informazzjoni dwarha fil-ġimgħat li ġejjin.

Camilleri kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said, hekk kif lanqas seta’ jikkonferma jekk hux se tinbena fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija.

Dan il-proġett kien imwiegħed mill-Partit Laburista fil-programm elettorali tiegħu lura fl-2013 u wara 7 snin għadu fuq l-ixkaffa. Fl-2016 imbagħad, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat l-applikazzjoni għal żvilupp tal-Qorti fis-sit tal-parkeġġ f’Misraħ l-Assedju ta’ Għawdex, fil-belt Victoria.

Iżda l-proġett irritorna lura f’ħoġor il-Ministeru għal Għawdex fl-2017 meta Justyne Caruana kienet ħabbret sit alternattiv għall-Qorti u qalet li dan il-proġett se jiswa lill-poplu Malti €5.5. miljun mingħajr il-VAT.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar dan il-proġett kien intemm lura f’Diċembru 2017 u lura fi Frar 2018, Justyne Caruana, fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tal-eks deputat Nazzjonalista, David Stellini kienet wegħdet li x-xogħol tal-bini kellu jibda wara li jiġu approvati t-tibdiliet fil-pjan lokali mill-Awtorità tal-Ippjanar.