Internazzjonali

L-Irlanda: Varadkar lest li jkun il-Kap ġdid tal-Oppożizzjoni

Il-Prim Ministru Irlandiż, Leo Varadkar, semma l-probabbiltà li jkun il-Kap ġdid tal-Oppożizzjoni ladarba jikkonkludu t-taħditiet għall-formazzjoni ta’ Gvern f’Dublin. Madankollu Varadkar għamilha ċara li l-Partit Fine Gael immexxi minnu għandu jkun lest biex jgħin jifforma Gvern f’każ li l-Partit Sinn Fein (alleat mal-paramilitari tal-IRA) ifalli fit-tragward.

Is-Sinn Fein, appoġġjat min-nazzjonalisti Irlandiżi tax-xellug, fi tmiem il-ġimgħa ssoprenda bl-akbar numru ta’voti fost il-partiti li kkuntetaw l-elezzjoni ġenerali fl-Irlanda. Madankollu, l-ammont żgħir ta’ kandidati li kkuntestaw f’isem dan il-partit wassal biex Sinn Fein jispiċċa bi ftit wara l-Partit Fianna Fail taċ-ċentru-lemin – u b’vantaġġ żgħir fuq Fine Gael f’dak li jirrigwarda siġġijiet fl-assemblea.

Il-Kap ta’ Sinn Fein, Mary Lou McDonald, qalet li l-partit tagħha ‘rebaħ l-elezzjoni’ u se jipprova jifforma Gvern tax-xellug flimkien mal-partiti iżgħar u deputati indipendenti. Iżda waqt li t-tragward hu teknikament possibbli, uħud mill-kollegi ta’ McDonald huma xettiċi ferm li l-għan se jirnexxi.

Min-naħa tiegħu Varadkar ‘mhux jipprova jaħbi t-telfa’ għall-partit tiegħu u sostna li Fine Gael hu lest biex jaqdi dmiru mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni. Intant Varadkar saħaq li ‘hu u sħabu se jkunu lesti biex jitkellmu ma’ partiti oħra jekk, ‘il quddiem, ikun hemm ħtieġa li l-partit tiegħu jgħin għall-istabbilità politika tal-Irlanda.’