Il-Messikani qed jesprimu niket u rabja kollettiva dwar l-omiċidju brutali ta’ mara oħra taħt idejn is-sieħeb tagħha u li spiċċat ukoll imbiċċra mill-aggressur.
Dan meta fil-Messiku kiber l-allarm dwar l-ispinta fil-każi ta’ femiċidju – qtil tan-nisa li fil-maġġoranza tal-każi jkunu twettqu mill-irġiel tal-vittmi.
F’dan il-pajjiż għaddejjin l-investigazzjonijiet ta’ aktar minn 700 inċidenza ta’ femiċidju. Dan waqt li l-attivisti li qed jipprotestaw dwar dawn ir-reati jinsistu li ‘huma ħafna akbar il-każi (fil-Messiku) tan-nisa li qed jisfaw mira ta’ qtil sistematiku immirat speċifikament għas-sess oppost’.
Skont iċ-ċifri uffiċjali, 3,142 nisa kienu nqatlu fil-Messiku fl-ewwel għaxar xhur tal-2019. Minn dawn, 726 każ qed ikunu trattati bħala ‘sitwazzjonijiet ta’ femiċidju’ u l-attivisti tal-gruppi favur id-drittijiet tan-nisa qed jinsistu li ‘dawn il-każi jmissu biss max-xifer tar-realtà’.
L-attivisti huma anki kritiċi dwar il-fatt li l-maġġoranza kbira tal-każi ta’ femiċidju qatt mhuma qed ikunu solvuti – bil-perċentwal tal-aggressuri li qed jitressaqu għall-ġustizzja jibqa’ wieħed żgħir ħafna.
Intant, il-qtil li kompla jixpruna r-rabja tal-Messikani kien ta’ mara ta’ 25 sena, Ingrid Escamilla, li twettaq mir-raġel li hi kienet qed tgħix miegħu. Il-qattiel anki biċċer u skarna partijiet tal-katavru f’attentat biex jiddisponi mill-provi.
L-aħbar dwar l-omiċidju ta’ Escamilla ħarġet jum biss wara li l-President tal-Messiku, Andres Manuel Lopez Obrador, qal li l-kwistjoni tal-femiċidji ‘kienet xi ħaġa manipulata mill-media li ‘qed tipprova ssib minn kollox biex tikkritika l-amministrazzjoni tiegħu’.
Obrador kien qed iwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti dwar il-pjani tal-Prosekutur Ġenerali tal-Messiku, Alejandro Gertz, biex jibdel il-mod kif huma klassifikati l-każi ta’ femiċidju.
Il-Messikani li esprimew ir-rabja tagħhom fuq il-media soċjali kkundannaw b’mod speċjali l-fatt li r-ritratti tal-fdalijiet ta’Escamilla kienu pubblikati fuq l-Internet.
L-omiċidju ta’ Escamilla sar fil-Belt tal-Messiku u s-Sindku tal-Belt, Claudia Sheinbaum, qalet li l-prosekuturi se jitolbu s-sentenza massima għall-qattiel. Sar magħruf ukoll li l-pulizija kienu qed iżommu raġel suspettat b’konnessjoni mal-omiċidju u li dan ‘ammetta li kien qatel lis-sieħba wara argument qabel iddispona l-partijiet (imqattgħin) ta’ ġisimha fis-sistema tad-drenaġġ’, viċin tal-appartament tiegħu.
//= $special ?>