Lokali Qorti

Russu mixli b’kompliċità biex jinħeba katavru jitressaq il-Qorti fuq vjolenza domestika

Kristijan Zekic, ta’ 37 sena, li diġa’ kien tressaq il-Qorti mixli li bejn it-2 u t-3 ta’ Lulju fl-2016, li assista u għen lil ċertu Andrew Mangion biex jaħbi l-katavru ta’ Eleanor Mangion Walker, reġa’ tressaq il-Qorti fuq każ ta’ vjolenza domestika.

Zekic, li huwa Russu u li huwa magħruf ukoll bħala Adamjohn Niasov, ġie akkużat li sawwat lis-sieħba tiegħu, li kien qed iżomm arma tan-nar mingħajr liċenzja u li kiser xejn inqas minn ħames ordnijiet tal-Qorti dwar ħelsien mill-arrest.

Zekic ġie arrestat mill-appartament tiegħu f’San Pawl il-Baħar nhar it-Tnejn, 10 ta’ Frar. Huwa wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq fejn permezz tal-Avukat tiegħu Ezekiel Psaila, għamel talba għal libertà proviżorja, liema talba ġiet miċħuda.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Ispettur Godwin Scerri, li appella lill-Qorti biex ma tagħtihx il-ħelsien mill-arrest hemm għax ir-reat huwa wieħed serji u anke għax il-vittma għad trid tixhed.

Minkejja li l-Avukat Psaila aċċenna li anke jekk ir-raġel ġieli ngħata l-ħelsien mill-arrest għax tressaq il-Qorti ħames darbiet oħra, sa issa għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni kontrih.

L-Avukat tenna li r-raġel jista’ jispiċċa jitlef madwar €80,000 f’garanziji li ħallas għall-ħelsien mill-arrest. Tenna wkooll li l-Prosekuzzjoni mhux issemmi l-biża’ li l-akkużat ibagħbas l-evidenza.

Anzi qal li nstabet ċerta evidenza, fejn din tista’ tkun imbagħbsa mill-vittma li rrapportat il-każ. Huwa qal li qatt ma kellu pistola u l-pistola nstabet fil-kamra tas-sodda tal-mara.

Fit-tweġiba tiegħu l-Ispettur Scerri qal li l-każi ta’ vjolenza domestika huma serji ħafna u saħaq li hu jgħix mal-vittma. “Se toħroġ hi?”, staqsa l-Ispettur. Il-Qorti qalet li l-akużat mhux ta’ min jafdah u li l-akkużi huma serji ħafna. Eleanor Mangion Walker kienet instabet maqtula f’maħżen f’Ħal Qormi.