Internazzjonali

Salvini: Vot biex jgħaddi minn proċess tal-qorti għal kif ittratta mal-immigranti

Is-Senat Taljan – permezz ta’ vot speċifiku – ippermetta biex il-prosekuturi jgħaddu lil Matteo Salvini, il-kap estremista tax-xellug, minn proċess tal-qorti. F’dan il-każ Salvini se jkollu jwieġeb għall-akkużi li ‘żamm lill-immigranti fuq il-baħar’ bħala parti mill-politika tiegħu biex il-portijiet tal-Italja jibqgħu magħluqin għal dawn l-immigranti.

Salvini, eks Ministru Taljan għall-Intern, hu akkużat b’li żamm, illegalment u għal diversi ġranet numru ta’ persuni fuq dgħajsa ‘il barra minn Sqallija, f’Awwissu tal-2019. F’dan il-każ xi 116-il immigrant kienu kostretti jibqgħu għal xi ġimgħa fuq id-dgħajsa ‘Gregoretti’.

Intant, il-maġġoranza tas-senaturi, issa, ivvutaw biex Salvini, il-Kap tal-Partit tal-Lega li jopponi l-immigrazzjoni, ikun suġġett għall-proċess ġudizzjarju. Salvini tenna kemm-il darba li ‘irid jidher il-qorti’ filwaqt li informa lill-Kamra tas-Senat li ‘hu beħsiebu jgħid lid-dinja li l-politika tiegħu għall-immigrazzjoni salvat il-ħajja ta’ eluf’.

Is-Senaturi mal-Partit tal-Lega għażlu li joħorġu mill-kamra aktar milli jipparteċipaw fil-vot.

Taħt il-liġi tal-Italja, il-Ministri jgawdu immunità parlamentari għall-azzjonijiet li jkunu ħadu waqt li kienu qed jaqdu r-rwol għall-Istat. Madankollu, kumitat, ix-xahar li għadda, ivvota biex ineħħi l-immunità ta’ Matteo Salvini, u fejn, bħala konsegwenza, kien imiss lis-Senat li jieħu d-deċiżjoni finali dwar jekk Salvini jgħaddix mill-proċess tal-qorti.

F’każ li jinstab ħati mill-proċess, Matteo Salvini jista’ jiffaċċja sa ħmistax-il sena ħabs.

Għalkemm il-Kap tal-Lega insista li d-deċiżjoni biex l-immigranti jinżammu ‘il bogħod mix-xatt kellha l-appoġġ tal-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte u l-kumplament tal-Gvern, il-proskuturi jemmnu li Salvini aġixxa ‘fuq l-inizjattiva tiegħu biss’ u li hu anki ‘injora t-talbiet ripetuti mingħand Conte’ biex jirtira mid-deċiżjoni oriġinali.