Lokali

Saru telefonati mill-OPM biex jiżgwidaw lill-ġurnalisti li Caruana Galizia nqatlet minħabba t-traffikar taż-żejt

Taħt ġurament, il-ġurnalista Caroline Muscat minn The Shift News iddikjarat li ġimgħa wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, mill-uffiċċju tal-Prim Ministru saru diversi telefonati lil numru ta’ ġurnalisti biex dawn jirrappurtaw li l-qtil kien relatat mat-traffikar taż-żejt.

Hekk kif kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-asassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Muscat iddeskriviet ukoll kif fi gruppi sigriet, uffiċjali għolja tal-Gvern jew mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienu jattakkaw jew jirridikolaw lil Daphne Caruana Galizia, kemm qabel kif ukoll wara li nqatlet.

Fost dawn, kien hemm Neville Gafa, Josef Caruana, Tony Zarb, Jeffrey Pullicino Orlando, Mark Farrugia, Neville Gafa, Karl Stagno Navarra u anke deputati tal-Gvern bħal Rosianne Cutajar u Glenn Bedingfield.

Qalet li l-investigazzjoni l iwettqet turi li d-diskors ta’ dawn tal-aħħar kien orkestrat, f’dak li ddeskriviet bħala trolls finanzjati mill-istat.

Tkellmet ukoll dwar kif is-sit The Shift ripetutament kien fil-mira ta’ cyber attacks, b’mod speċjali meta kienet għaddejja investigazzjoni fuq il-ftehim ta’ Vitals u Streamcast, li t-tnejn kien involut fihom Konrad Mizzi.

Fix-xhieda ta’ llum ħareġ ukoll li m embri tal-konsorzju li bnew il-powerstation tal-gass, konsorzju li kien fih ukoll lil Yorgen Fenech, kien ilhom sa mill-2009 jippruvaw isibu Gvern li jaċċetta li jafdalhom dan il-proġett.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier, li

ddikjara li fl-2009 kien ġie avviċinat minn Paul Apap Bologna u, waqt laqgħa li kellhom, għamillu preżentazzjoni ta’ proġett ta’ power station li taħdem bil-gass.

Hu stqarr li dak ippreżentat lilu kien kważi identiku għall-powerstation li l-Gvern Laburista aċċetta li jibni snin wara. Qal li kellu pressjoni biex jaċċetta dan il-proġett imma rreżistiha, u li safejn jaf hu, l-istess persuna wara tkellem mal-Partit Laburista.

L-eks Segretarju Ġenerali saħansitra ddikjara taħt ġurament li Apap Bologna qallu: “Id-deċiżjoni f’idejk. Imma jekk tagħmel il-parti tiegħek, aħna nagħmlu l-parti tagħna.” Meta staqsieh x’ried ifisser, Apap Bologna tbissem u ma weġbux.

Iddikjara wkoll li Henley & Partners ukoll ippruvaw jiksbu l-approvazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-bejgħ tal-passaport Malti. Madankollu hawn ukoll il-Partit Nazzjonalista kien kontra.