Ambjent Lokali Parlament Transport

“Sfreġju Ambjentali bla preċedent minn Infrastruttura Malta”

Tberbiq ta’ flus fit-toroq għall-isfreġju ambjentali u t-tnaqqis fil-kwalità tal-arja

“Qatt daqs dawn l-aħħar 7 snin ma sar dan l-isfreġju ambjentali u għall-inkompetenza ta’ Infrastruttura Malta, il-poplu Malti u l-ġenerazzjonijiet futui qed ikollhom jħallsu prezz għoli u qares!” Saħaq dan il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, Robert Cutajar, waqt id-dibatitu dwar il-liġi li temenda l-att dwar Infrastruttura Malta.

Cutajar beda l-intervent tiegħu billi qal kif il-Ministeru ta’ Ian Borg u l-aġenziji li għandu taħtu, b’għexieren t’eluf t’ewro f’propoganda, jagħtu l-impressjoni qarrieqa li kollox ward u żahar u miexi fuq ir-rubini iżda mhux il-każ.

Dan hekk kif waqt li saħaq kif kull aġenzija f’pajjiżna teħtieġ taħdem b’serjeta, kontabbiltà u transparenza, dawn ir-rekwiżiti ma japplikawx għall-Infrastruttura Malta għaliex taħseb li hija ’l fuq mil-liġi u tmexxi b’segretezza liema bħalha mingħajr l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa mill-awtoritajiet konċernati.  Fakkar kif il-Kummissarju tal-Ambjent fi ħdan l-Uffiċju tal-Ombudsman widdeb lill-Infrastruttura Malta dwar is-segretezza u n-nuqqas ta’ trasparenza u kontabbiltà fi ħdan l-aġenzija bi pjanti u kuntratti sigrieti mill-poplu.

It-twiddiba tal-Kummissarju tal-Ambjent tmur lil hinn minn hekk għaliex elenka kif apparti l-isfreġju ambjentali għaddej, il-politika tal-Gvern li jwessa’ t-toroq mhijiex soluzzjoni, għal-liema twiddiba l-Gvern ġie jaqa’ u jqum. Dan għaliex fi ftit snin, bir-rata ta’ karozzi li qed jinxtraw illum se jkunu qed jiżbqu l-ammont ta’ karozzi li jistgħu jilqgħu t-toroq imwessa’ li qed jagħmel il-Gvern bil-politika insostenibbli tiegħu għad-detriment tas-saħħa tal-poplu, b’aktar traffiku u tniġġis tal-arja.

Każ klassiku dwar dan huwa l-proġett tas-Central Link f’Ħ’Attard, b’Cutajar jgħid kif huwa bla preċedenti li €55 miljun qed jintużaw biex fost l-oħrajn jitqaċċtu s-siġar, jinqerdu djar darba għal dejjem, jintradmu l-cart ruts u siti arkeoloġiċi misjuba, jintilfu għexieren ta’ tomniet ta’ raba’ u l-qerda ta’ bosta flora u fauna. Minflok, Ian Borg jinħeba wara l-konsultazzjoni li ssir iżda fir-realtà, mhuwiex vera li jagħti widen u jikkonsulta lir-residenti ta’ Ħ’Attard għaliex ġie jaqa’ u jqum minnhom.

L-arroganza fit-tmexxija f’din l-aġenzija kienet riflessa ukoll fix-xogħol mhux awtorizzat li sar mill-kuntratturi fit-triq imwessa’ f’Tal-Balal mingħajr ebda infurzar ta’ xejn u allura bil-barka tal-awtoritajiet konċernati. Kawża ta’ dan saru ħsarat fuq fdalijiet storiċi daqslikieku ma ġara xejn u Robert Cutajar staqsa b’liema dritt Infrastruttura Malta tagħti l-approvazzjoni tagħha biex ix-xogħol jibqa’ għaddej bla permess.

Dwar it-toroq li għandhom isiru mill-Gvern bi preparament għaż-żjara tal-Papa, Robert Cutajar wissa lil Ian Borg li kapaċi jkollu jerġa’ jaqla’ t-toroq li saru minn Infrastruttura Malta għax saru ħażin a spejjeż tal-poplu Malti, bħalma seħħ bypass tal-Mellieħa li mhux biss ix-xogħol li kellu jsir, sar ħażin, talli l-culverts u s-servizzi saru issa u l-linja għaċ-ċiklisti sparixxiet biex saret bankina.

Fl-istess lokalità saħansitra kien hemm problema biex jiġi ċċertifikat ix-xogħol li sar fuq Triq il-Marfa għaliex wara ġimgħa mit-tlestija, kellha terġa’ tinqala’, kompla jgħid il-whip Nazzjonalista. Huwa staqsa x’servizzi ngħaddew hemm u elenka kif Infrastruttura Malta għattiet ix-xemx bl-għarbiel billi żebgħet bl-aħmar iż-żoni fejn sar xogħol ħażin u ma ġiex iċċertifikat. Min intalab jiċċertifika x-xogħol, flok għamel dan, irriżenja għaliex ma riedx jerfa’ r-responsabbiltà, tant li l-Ministru Ian Borg ma poġġiex iċ-ċertifikazzjoniji tal-periti u l-esperti ta’ Triq il-Marfa fuq il-mejda tal-Kamra, u wisq anqas fuq il-bridge tal-Mistra. Fil-każ tal-aħħar, fuq il-pont saħansitra qiegħed jinġema’ l-ilma biswit il-bus stop wara xi maltempata u staqsa kif wieħed jista’ jinżel minn fuq tal-linja u jgħaddi bejn il-barrier u ċ-ċint biex jinżel il-Mistra tant kemm hu dejjaq.

Fl-istess distrett f’San Pawl il-Baħar, il-kelliem tal-Oppożizzjoni saħansitra elenka li triq imwiegħda li kienet prijorità kemm għall-Gvern Laburista wara li kienet indikata mill-Kunsill Lokali ma baqgħetx prijorità għall-Infrastruttura Malta għaliex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-aqwa żmien m’għandhiex il-flus biex tbiddel is-servizzi tal-ilma f’arterja prinċipali fil-lokalità.

Wieħed qas jistenna li Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport, li kien Sindku ta’ Ħad-Dingli ftit tas-snin ilu, jippermetti li l-aġenziji li jaqgħu taħtu jgħaddu romblu minn fuq il-Kunsilli Lokali u id-deputat Nazzjonalista fakkar li mhuwiex minnu li l-Kunsilli ma kinux jagħmlu toroq qabel twaqqfet din l-aġenzija għaliex meta kien fil-kariga qabel, Ian Borg kien wieħed mill-aktar Sindki li bbenefika mill-skemi ta’ private partnership biex saru t-toroq f’Ħad-Dingli. Kien saħansitra l-Partit Laburista li nkluda din l-iskema fil-programm elettorali tiegħu fl-2013 u hawn turi kif waqgħet il-maskla tal-Gvern inkonsistenti.

Il-Kunsilli Lokali Laburisti jistennew li Ian Borg iħoss il-polz tagħhom iżda skont il-Whip tal-Oppożizzjoni, qajla qiegħed juri rieda li jagħmel dan il-Ministru hekk kif bosta Sindki Laburista li fil-Parlament sena wara sena kkritikaw bl-aħrax l-arroganza u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni mit-tmexxija ta’ Infrastruttura Malta. Huwa fakkar kif fi żminijiet oħra, il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli kien jibbenefika minn fondi Ewropej għaliex il-Gvern Nazzjonalista tal-ġurnata kien jikkonsulta ma’ Ian Borg. Cutajar saħaq kif il-proġetti ewlenin li saru fl-aħħar snin mill-Gvern Laburista saru grazzi għall-pakkett finanzjarju miksub 7 snin ilu bl-għaqal fit-tmexxija tal-Gvern Nazzjonalista, fosthom il-proġetti ta’ Triq il-Kosta, il-flyover tal-Kappara u issa dawk fil-Marsa u l-mini f’Santa Luċija.

Dwar il-kontabbiltà f’Infratruttura Malta, Robert Cutajar staqsa dwar it-trasparenza fl-ingaġġ tal-ħaddiema fl-Aġenzija u kif qed tirregola l-arroganza fit-tmexxija, li f’bosta drabi ma joffrux xogħol ta’ kwalità. Hawn appella biex il-piki distrettwali li hemm fil-Partit Laburista jingħataw il-ġenb hekk kif elenka każ li ġara fil-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ta’ ħaddiema li jaħdmu fil-manutenzjoni fil-lokalità li tneħħew minn Infrastruttura Malta mill-assenjament li kellhom mal-Kunsill wara l-elezzjonijiet li għaddew.

Id-diskors ta’ Robert Cutajar kien ikkaratterizzat b’numru ta’ interruzzjonijiet mill-Ministru konċernat għaliex ġie kkritikat dwar il-ħniżrijiet fid-dekasteri li jaqa’ taħtu. Fakkar li l-Prim Ministeru ta raġun lil Lawrence Gonzi u lil Ian Borg neħħielu d-dekasteru tal-ippjanar wara l-isfreġju ambjentali ta’ dawn l-aħħar 7 snin biex għaqdu reġa’ mal-ambjent.  Din l-irresponsabbiltà u n-nuqqas t’għaqal fit-tmexxija fl-aġenzija qed iħallas għaliha l-poplu Malti li jkollu jgħix fi sfreġju ambjentali fit-toroq u l-kampanja Maltija.

Intant, fil-bidu tal-intervent, il-whip tal-Oppożizzjoni awgura fejqan ta’ malajr lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Infrastruttura, Toni Bezzina, li jinsab rikoverat l-isptar. Peress li l-Oppożizzjoni ma ssibx problema li l-infrustruttura marittima tgħaddi għandi Infrastruttura Malta, Toni Bezzina xtaq li minkejja jinsab indispost, ma jsirux interruzzjonijiet fix-xogħol parlamentari.