Lokali

AĠĠORNATA: Żewġ Supretendenti “jispiċċaw” mis-Sezzjoni ta’ Kontra l-Frodi

Korp fi kriżi - lista ma tispiċċa qatt ta' riżenji u uffiċjali investigati

Fl-aħħar sigħat, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri kien iffaċjat b’żewġ każi oħra ta’ uffiċjali għoljin, din id-darba fis-Sezzjoni ta’ Kontra l-Frodi, li waqfu mix-xogħol tagħhom u jinsabu fuq “sick leave” fit-tul. Għalkemm ir-raġuni uffiċjali hija dik ta’ “sick leave”, dan l-istazzjon għandu informazzjoni li dawn iż-żewġ uffiċjali waqfu mix-xogħol u se jispiċċaw dalwaqt.

Net News għandu l-ismijiet taż-żewġ uffiċjali li huma Supretendenti f’din l-istess sezzjoni tal-Korp; waħda mill-aktar sezzjonijiet fejn isir xogħol delikat biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata b’rabta mal-frodi.

Skont l-informazzjoni li waslet għandna, iż-żewġ spetturi ma waqfux minħabba l-każijiet ta’ tixħim li ġew żvelati din il-ġimgħa marbutin mat-Taqsima tat-Traffiku. Anzi, jidher li din is-sitwazzjoni totalment m’għandiex x’taqsam.

Il-Korp tal-Pulizija għadu qed iżomm moħbija dawn il-każijiet serjissimi.

Is-Sezzjoni ta’ Kontra l-Frodi kienet taħt il-lenti f’dawn l-aħħar snin, partikolarment minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers, u l-istejjer kollha relatati ma’ Pilatus Bank u Nexia BT.