Lokali

XOKKANTI: Storja ta’ theddid, ħlasijiet minn taħt, relazzjonijiet intimi u ħafna aktar

Il-Gvern fil-muta dwar skandlu bla preċedent fil-Pulizija

L-iskandlu li damdam lill-Korp tal-Pulizija huwa ferm aktar gravi minn kemm wieħed jimmaġina. Dak li nkixef fl-aħħar 24 siegħa jinkludi fih mhux biss stejjer ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet minn taħt, iżda wkoll stejjer ta’ theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

L-istorja ġiet żvelata lil dan is-sit wara lejl twil ta’ interrogazzjonijiet fid-Depot, hekk kif il-Pulizija li ġew interrogati huma ferm aktar mill-35 li ssemmew. Dawn jinkludu nies għoljin fil-Korp, fosthom Supretendent u Surġenti fl-għases.

Net News huwa nfurmat ukoll li dan l-iskandlu jmur ferm lil hinn mill-istorja tal-ħlasijiet tal-overtime illi ġiet żvelata mit-Times.

Intant, jidher li fl-aħħar sigħat irriżenja s-Supretendent Walter Spiteri li hu responsabbli mis-Sezzjoni tat-Traffiku; uffiċjal li kien reġa’ ddaħħal fil-Korp fl-2017, ftit qabel l-elezzjoni.

L-investigazzjonijiet qed jikkonċentraw ukoll fuq ċertu kuntrattur li jinsab imdaħħal f’dan kollu, u anke eks uffiċjal tal-Pulizija li diġa’ kellu stejjer ikkuluriti fil-passat.

“Dan hu racket li lanqas intom stess ma tistgħu timmaġinaw kemm hu kbir. Korruzzjoni ta’ vera”, qalilna wieħed mill-persuni qrib l-investigazzjoni, li minn naħa tiegħu kkonferma li fl-istorja hemm ukoll imdaħħla każijiet ta’ serq ta’ fuel.

Ilbieraħ il-Gvern irrifjuta li jagħmel stqarrija Ministerjali dwar din il-materja tant sensittiva.

Il-każ kien ilu f’ħoġor l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar minn Diċembru li għadda.