Kultura Lokali

Kitba ta’ Trevor Zahra tingħata l-ħajja fuq il-palk

X’jiġri meta jaslu Qrempuċu u Qrempuċellu lura f’Wied Peprina? U għaliex kienet qed tibki Żarmuġiġa? Veru li n-nanna Kolina għandha soluzzjoni għal kollox?

Żgur li xi darba ltqajtu ma dawn il-karattri ta’ Trevor Żahra u issa tistgħu tarawhom jieħdu l-ħajja fuq il-palk tat-teatru li jinbidel f’ Wied Peprina.

Ambjent li oriġinarjament kien ħoloq il-kittieb Trevor Zahra 30 sena ilu ‘il-Ħrejjef ta’ Wied Peprina’ bħalissa fis-sala prinċipali tal-Istut Kattoliku fil-Floriana, ngħata l-ħajja f’forma ta’ produzzjoni b’kitba u direzzjoni ta’ Indri Attard.

Numru ta’ annimali huma l-protagonisti f’din il-produzzjoni, atturi li wiċċhom żgur mhux ġdid; Indri Attard, Stephanie Chircop, Charles Falzon, Philysienne Brincat, Jennifer Attard, Marica Cassar u Josephine Mallia.

Produzzjoni li mhux tajba biss għat-tfal iżda anke għall-adulti li jiftakkru dawn il-kotba għaliex żgur se jqanqlu memorji sbieħ ta’ tfulithom.

Filwaqt li din il-produzzjoni diġa ntlaqgħet tajjeb ħafna minn mijiet ta’ tfal tal-iskola, il-pubbliku jista’ jgwadi l-atmosfera f’Wied Peprina s-Sibt li ġej fis-6PM u l-Ħadd fl-4PM.

Dawk interessati li jattendu jistgħu jidħlu fil-website www.bookingoffice.com.mt