Lokali

AĠĠORNATA: Kważi 200 immigrant jinġiebu f’Malta

L-ammont ta' immigranti li ddaħħlu f'pajjiżna fl-2020 ilaħħaq l-ammont ta' 748.

Kważi 750 immigrant iddaħħlu f’pajjiżna fl-ewwel ftit ġimgħat ta’ din is-sena, hekk kif il-Ġimgħa, f’ġurnata waħda biss daħlu 114-il immigrant.

Kollox beda meta daħlet l-informazzjoni għand l-Forzi Armati ta’ Malta illi żewg gruppi separati ta’ 44 u 70 immigrant kienu jinsabu fiż-żona Maltija ta’ tiftix u salvataġġ.

Sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalulna li kmieni l-Ġimgħa filgħodu dawn inġiebu f’pajjiżna u ttieħdu fiċ-Ċentru tal-Marsa.

Dwar dan Net News dalgħodu prova jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet biex tinġieb aktar informazzjoni madankollu bqajna bla tweġiba.

Apparti dawn il-wasliet nhar it-Tnejn li għadda nġiebu f’Malta mal-85 immigrant ieħor. Dawn daħlu għall-ħabta tal-5am fuq il-lanċa P24.

Mill-bidu tas-sena ‘l hawn f’Malta ddaħħlu kważi 750 immigrant

Dwar din il-wasla l-awtoritajiet ma ħarġu l-ebda stqarrija f’tentattiv li jżommu kollox mistur.

Dawn il-wasliet godda itellghu l-ammont ta’ immigranti li nġiebu f’pajjiżna tul din il-ġimgħa għal madwar 200, filwaqt li mill-bidu tas-sena ‘l hawn f’Malta ddaħħlu kważi 750 immigrant.

Il-kriżi tal-immigrazzjoni kompliet terfa’ rasha wara mewġa ta’ vjaġġi li ddominaw ir-reġjun tal-Mediterran mill-bidu tas-sena, partikolarment wara li l-ġlied fil-Libja kompla jippersisti. Dwar is-sitwazzjoni fil-Libja saru numru ta’ taħdidiet importanti fejn kienu mistiedna numru ta’ mexxejja Ewropej, għalkemm hawn spikka n-nuqqas tal-Gvern Malti li ma kienx preżenti.

Is-sena l-oħra f’pajjiżna nġiebu kważi 2,200 immigrant; l-ammont ta’ din is-sena, dak ta’ 748, s’issa diġà jlaħħaq ftit aktar minn terz l-ammont tas-sena li għaddiet. Bil-wasliet ta’ immigranti mistennija jissoktaw fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif jum wara l-ieħor, aktar vjaġġi klandestini qed iħallu l-kosta Libjana.